Wednesday, December 25, 2024

Ippreżentaw ruħhom bħala “studenti tal-MCAST”- … daqshekk basktijiet u mobile phones fil-gallarija tal-Parlament wara l-protesta mill-Moviment Graffitti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tal-Rappreżentanti Dr Anġlu Farrugia ordna li b’effett immedjat kull persuna li tkun trid tidħol issegwi s-seduta mill-gallarija tal-pubbliku tal-Parlament, b’żieda mal-fatt li din tgħaddi mill-iscanning fl-entratura u tirreġistra mar-reception billi turi wkoll dokument uffiċjali tal-identità, għandha tħalli basktijiet u oġġetti oħra, inkluż mobile phones, f’post sigur skont struzzjonijiet tal-pulizija u wieħed ikun jista’ jeħodhom lura meta joħroġ mill-Parlament.

Huwa ħabbar din id-deċiżjoni f’ruling li ta wara l-inċident tat-Tnejn li għadda fejn attivisti mill-Moviment Graffitti interrompew il-bidu tas-seduta li fiha l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien qiegħed jagħmel id-diskors tal-budget għas-sena 2025. 

L-Ispeaker beda billi kkundanna dan l-aġir deplorabbli minn persuni ammessi fl-Istrangers’ Gallery. Qal li dawn l-inċidenti seħħew fil-gallarija bi dritt is-Sedja u d-diżordni kienet tinkludi storbju, dendil ta’ banner minn ġol-gallarija għal ġos-Sala tal-Parlament bi kliem ta’ protesta għal żvilupp ippjanat, maskri li jgħattu l-uċuħ u reżistenza għall-ordnijiet mogħtija lilhom diversi drabi minn uffiċjali tal-Kamra. 

Is-Sedja nnotat illi l-uffiċjali tas-sigurtà tal-Parlament kienu kkonfermaw l-identità ta’ dawn il-persuni mad-dettalji mogħtija minnhom, iżda żiedet li l-aċċess għall-gallarija li ntalab minnhom jidher li kien fuq bażi qarrieqa fejn ippreżentaw ruħhom bħala ‘studenti tal-MCAST’.

Is-Sedja nnotat ukoll li qabel ma beda l-qari tad-diskors tal-Budget, espressament ikkawtelat lill-persuni preżenti fl-Istangers’ Gallery sabiex ma juru l-ebda sinjal ta’ approvazzjoni jew diżapprovazzjoni kif tagħmel meta tinnota li jkun hemm numru mdaqqas ta’ persuni fil-gallarija.

Dr Farrugia tenna li l-persuni inkwistjoni kisru din l-ordni tas-Sedja u anke dispożizzjonijiet oħra tal-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati. 

“Uffiċjali tal-Parlament weġġgħu meta nqalgħet id-diżordni”

“Is-Sedja, wara li rat dan kollu, u wara li stħarrġet l-inċident tat-Tnejn, jirriżultalha li minkejja li sar l-iscreening li normalment isir ta’ kull persuna li tidħol fil-Parlament, inkluż verifika tal-identità, ċerti oġġetti li ntużaw minn dawn il-persuni fil-waqt tad-diżordni ma mmarkawx u allura ma tawx lok għal xi azzjoni f’dak il-waqt. Dan għaliex ma ġiet identifikata ebda arma, ebda oġġett tal-metall jew oġġett ieħor ipprojbit milli jiddaħħal fil-bini tal-Parlament u għaldaqstant il-persuni kkonċernati tħallew jidħlu bil-basktijiet tagħhom.”

“Lis-Sedja jirriżultalha wkoll li uffiċjali tal-Parlament li kienu qegħdin jaqdu d-doveri tagħhom meta nqalgħet id-diżordni saħansitra weġġgħu, anke jekk b’mod ħafif, minħabba li l-persuni indikati rreżistew milli jobdu l-istruzzjonijiet li kienu qegħdin jingħatawlhom. Ma hu aċċettabbli qatt li uffiċjal pubbliku jiġi mxekkel b’dan il-mod fil-qadi ta’ dmirijietu,” kompla jgħid l-Ispeaker. 

Żied jingħad li s-Sedja tagħraf ukoll l-importanza li għandha li f’kull ħin tissalvagwardja l-benesseri tal-Membri Parlamentari, uffiċjali u kull persuna li tkun qiegħda fil-binja tal-Parlament. 

Konsegwenza ta’ dan is-Sedja ħassitha obbligata illi tirrevedi l-miżuri ta’ sigurtà li japplikaw għal Barranin li jkunu qegħdin isegwu l-Parlament mill-gallarija tal-pubbliku. Minkejja li s-Sedja tirrikonoxxi s-setgħa li għandha li tirregola d-dħul fil-gallarija tal-pubbliku, ħasset li kellha tara wkoll ir-regoli tal-House of Commons tar-Renju Unit, u dan kif previst fl-Ordni Permanenti 197.

Għaldaqstant is-Sedja ħasset li kellha tintroduċi dawn il-miżuri ġodda wara li stħarrġet ukoll il-prassi li hi segwita fil-Parlament Ingliż fejn fuq il-website tal-istess Parlament, fis-sezzjoni dwar ‘Security information’ jingħad illi “to keep Parliament safe for everyone, we have security measures that need to be followed”, fosthom li ma jistgħu jitħallew jidħlu l-ebda “banners, placards and flags” kif ukoll “political or offensive slogan materials including clothing” fil-bini tal-Parlament, u allura wkoll fl-iStrangers’ Gallery.

“Każ prima facie ksur ta’ privileġġ”

Is-Sedja qalet ukoll li tifhem il-preokkupazzjoni ta’ dawk il-persuni inkluż mill-pubbliku, illi dan il-każ ċar fejn persuni ttradew lill-istess awtoritajiet huwa fih innifsu att ta’ nuqqas ta’ qima lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u l-istess Membri tagħha, fost oħrajn meta qalu li huma daħlu hemmhekk biex isegwu s-seduta tal-Parlament meta kellhom intenzjonijiet kompletament ulterjuri. “Dan hu ksur tal-istess Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u liġijiet ta’ Malta, senjatament l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, Kap. 113 tal-Liġijiet ta’ Malta.”

Finalment, is-Sedja qalet li dan huwa każ prima facie ksur ta’ privileġġ, u mingħajr preġudizzju għal kull azzjoni oħra li tista’ tittieħed minn awtoritajiet oħra, irreferiet il-każ lill-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament sabiex l-istess Kumitat jara jekk hemmx każ ta’ ksur ta’ privileġġ. 

Ekonomija

Sport