Bejn it-22 u 25 ta’ Mejju, in-Napoli Club Malta qed jospita lil Antonio Carannante u Alessandro Renica, żewġ plejers li lagħbu ma’ Napoli fis-snin 80 meta n-Napoli kellhom fosthom lil Diego Armando Maradona. Flimkien magħhom żar il-Club, Mario Salvin, delegat ta’ Napoli Legends.
Antonio Carannante, huwa prodott tan-nursery Naplitana u ddebutta mat-tim tal-kbar ta’ Napoli fl-1982. Huwa baqa’ ma’ Napoli sal-1989, ħlief għal staġun wieħed fejn lagħab ma’ Ascoli fl-1987. Fil-perjodu li dam ma’ Napoli huwa rebaħ kampjonat, Coppa Italia u Coppa Uefa.
Fost oħrajn f’kummenti esklussuivi li ta lil dan is-sit, huwa qal li għalkemm skorja goal wieħed biss bil-flokk ta’ Napoli, ipprovda diversi assists importanti anke jekk għan-Naplitani kien bħal donnu qisu jeżisti biss Maradona.
L-eks difensur qal li dak kien parti mis-sabiħ tat-tim ta’ dak iż-żmien. Il-fatt li l-players kienu jaħdmu għall-ġid tat-tim u l-pika personali kienet tiġi wara. Huwa qal li kburi li bil-kontribut tiegħu kien parti minn dan il-vjaġġ ta’ Napoli lejn is-suċċessi tal-1989.