Saturday, May 4, 2024

Ippubblikata l-ħarġa ta’ April tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’

Aqra wkoll

Ġiet ippubblikata l-ħarġa ta’ April tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’. Tradizzjonalment din l-ewwel ħarġa tas-sena tal-gazzetta Furjaniża, tkun ippubblikata qrib il-festa tal-Patrun tal-Furjana u l-Ewwel Isqof ta’ Malta San Publju, li din is-sena se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd 14 ta’ April.

F’din il-ħarġa ta’ ‘IL-FURJANA’ ingħatat prominenza kbira lit-tnedija tal-ktieb ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’, li kien ippubblikat minn ‘IL-FURJANA Publications’ fl-okkazjoni tat-300 sena (1724-2024) tal-Furjana. Il-ktieb fih ġabra ta’ papers miktuba minn akkademiċi u esperti dwar suġġetti differenti konnessi mal-Furjana u niesha.

Dan il-ktieb hu t-tielet wieħed li l-gazzetta Furjaniża ppubblikat fl-aħħar kważi għaxar snin. Iż-żewġ kotba ta’ qabel kienu ‘Il-Knisja ta’ San Publju – Storja u Arti’ li kien ippubblikat fl-2015, u l-ktieb ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana – 1899-2019’ li kien ippubblikat f’Diċembru tal-2020. Kien għalhekk li nħass il-bżonn li tinħoloq ‘IL-FURJANA Publications’ biex tieħu ħsieb proġetti bħal dawn.

‘IL-FURJANA’ ta’ April tinkludi ritratti li ttieħdu waqt it-tnedija tal-ktieb il-ġdid li saret nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu fir-Refettorju ta’ Casa Manresa, li hi l-binja fil-Furjana fejn illum hemm il-Kurja tal-Arċisqof.

L-ewwel faċċata ta’ din il-ħarġa, tinkludi wkoll bi prominenza ritratt imdaqqas tal-Primat Kattoliku tal-Irlanda Kollha, l-Arċisqof Eamon Martin iħares lejn l-istatwa artistika ta’ San Publju fin-niċċa tagħha fil-Knisja Parrokkjali Furjaniża, waqt iż-żjara storika li għamel fil-Furjana f’Diċembru li għadda.

Waqt din iż-żjara, l-Arċisqof Martin li hu wkoll Arċisqof ta’ Armagh fl-Irlanda, ġedded ir-rabta storika li hemm bejn il-belt tal-Furjana u l-Irlanda. Din  taf il-bidu tagħha minn żjara oħra li kien għamel fil-Furjana wieħed mill-predeċessuri tal-Arċisqof Martin, il-Kardinal Michael Logue fl-1894. Pittura tal-Kardinal Logue tinsab fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali Furjaniża.

Coverage estensiv taż-żjara tal-Kap attwali tal-Knisja Kattolika Irlandiża fil-Furjana, hu mifrux fuq żewġ paġni fuq ġewwa tal-gazzetta, b’ritratti u kitba dwar il-postijiet li żar. Din iż-żjara tal-Arċisqof Martin fil-Furjana saret bil-koperazzjoni bejn il-Parroċċa tal-Furjana u l-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Irlanda, Giovanni Buttigieg li hu residenti fil-Furjana. Hemm possibilità li l-Arċisqof Martin imexxi l-festa ta’ San Publju tas-sena d-dieħla (2025).

Il-ħarġa ta’ April tinkludi wkoll kitbiet dwar l-artista u inċiżur Furjaniż ta’ fama internazzjonali Noel Galea Bason, tislima lil Sammy Murgo u Billy Mockridge u apprezzament lill-eks sagriustan Gerry Tedesco. Fiha wkoll aħbarijiet oħra dwar diversi Furjaniżi, u l-Paġna tal-Kunsill Lokali.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ April tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jew tal-ktieb il-ġdid, jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494,  jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] u [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport