Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika ppubblikat standards għall-kwarantina li huma obbligati jsegwu persuni li jaslu f’Malta mingħajr ċertifikat tal-vaċċin, skont l-Avviż Legali 301 ta’ 2021, ‘Ordni tal-2021 li jemenda l-Ordni dwar l-Estensjoni tal-Projbizzjoni fuq l-Ivjaġġar lejn il-Pajjiżi Kollha (Emenda Nru 4)’.
Persuni bla ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika li jidħlu f’ pajjiżna mil-lista ta’ pajjiżi elenkati fl-istess Avviż Legali jridu jkunu fil-pussess ta’ PCR test negattiv li jkun sar mhux iktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tagħhom f’pajjiżna.
Dan it-test għandu jiġi ppreżentat biex il-persuna titħalla titla’ abbord l-ajruplan għal Malta. Mal-wasla f’Malta, persuni mingħajr ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut iridu jagħmlu perjodu ta’ kwarantina mandatorja.
L-istandards jesiġu li l-kwarantina ta’ 14-il ġurnata ssir f’lukanda rikonoxxuta mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika. Tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena (biż-żewġ etajiet inklużi) li għandhom residenza fissa f’Malta u li mhumiex fil-pussess taċ-ċertifikat tal-vaċċin, jistgħu jagħmlu l-kwarantina obbligatorja fir-residenza tagħhom.
Individwi ta’ ‘l fuq minn 16-il sena li huma residenti Malta wkoll jistgħu jitolbu għall-awtorizazzjoni tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika biex jagħmlu l-perjodu ta’ kwarantina f’residenza alternattiva. Kull każ se jiġi deċiż fuq bażi individwali. F’dawn il-każijiet il-persuni li jirrisjedu fl-istess residenza jkollhom joqogħdu fi kwarantina għall-istess perjodu.
Tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-11-il sena għandhom biss jippreżentaw PCR test negattiv meta jkunu akkumpanjati minn adulti li għandhom ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut. Tfal ta’ taħt il-ħames snin jistgħu jidħlu f’Malta mingħajr il-bżonn ta’ PCR test.
Il-persuni li jintalbu jagħmlu kwarantina fil-lukandi rikonoxxuti mis-Supredendent għas-Saħħa Pubblika se jintalbu jħallsu €100 għal kull lejl, għal kull kamra, li se tinkludi kolazzjon li jingħata fil-kamra stess. Spejjeż addizzjonali għandhom jitħallsu mill-persuna li tkun qiegħda fi kwarantina.