Tuesday, November 26, 2024

Ir-rabja ta’ Sheikh espressa pubblikament f’poeżija

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ħajjet ix-Sheikh Mohammed bin Rashid Al Maktoum għal dawn l-aħħar snin ma kinitx waħda faċli minħabba problemi familjari fejn fl-2015 mietlu l-ewwel wild tiegħu Rashid bin Mohammed Al Maktoum; fl-2018 kienet ħarbitlu bintu Latifa li aktar tard instabet u ġiet irritornat lura u riċentement qala’ daqqa ta’ ħarta bit-tradiment ta’ martu l-Prinċipessa Haya bint Hussein.

Maħsuba li għall-bidu ħarbet lejn il-Ġermanja, il-Prinċipessa Haya reħitha lejn ir-Renju Unit u dan wassal għal aktar rabja u diżappunt mix-sheikh. Magħruf f’pajjiżu bħala awtur eċċellenti ta’ poeżiji, is-sovran ta’ Dubai uża t-talent letterarju tiegħu f’poeżija mimlija kliem ta’ rabja minħabba dak li għamlitlu. Din il-poeżija intitolata “You Lived and You Died”- “Inti Għext u Inti Mitt” – tellagħha fuq Instagram fejn kiteb li:

“Traditriċi, inti ttradejt fiduċja prezzjuża u issa l-logħba tiegħek ħarġet fil-miftuħ”

“Iż-żmien tal-gideb tiegħek ġie fi tmiemu u ma jiswa xejn dak li kont u dak li inti”

“Tlaqt liż-żiemel tiegħek liberu”

“M’għandekx iżjed post f’qalbi”

“Mur ma’ dak li kont tant bieżla miegħu”

“J’alla dan ikun dak li trid għax jien ma jimpurtanix jekk intix ħajja jew mejta”

Din il-poeżija bl-Għarbi jingħad li fil-verità hija aktar ħarxa fil-lingwa oriġinali tagħha. Meta ttellgħet fuq Instagram infirxet malajr fin-networks soċjali kollha li jużaw din il-lingwa u ħalliet impatt qawwi.

Sorsi viċin bin Rashid qalu li huwa kien inkoraġġit jikteb din il-poeżija minn uliedu l-kbar, frott taż-żwieġ li kellu mal-ewwel mara tiegħu. Uliedu jingħad li ma jaħmlux lil Haya minħabba li missierhom prattikament abbanduna lin-nisa li kellu qabilha. Is-sovran ta’ Dubai għandu mill-inqas ħames nisa u possibbilment huwa miżżewweġ ma’ sebgħa fejn irrikonoxxa 23 tifel u tifla minn tiegħu. 

Aqra l-analiżi sħiħa: Divorzju rjali qares multi miljunarju

Sport