Wednesday, April 24, 2024

Divorzju rjali qares multi miljunarju

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Prinċipessa ħallset €8 miljuni biex iżżomm sigriet mistur iżda xorta nkixef kollox… żewġha infurjat u meqjus ta’ theddida

Każ uniku f’qorti Ingliża li ġibed l-attenzjoni tal-midja huwa dak tad-divorzju bejn il-Prinċipessa Haya u x-Sheikh Mohammed bin Rashid al-Maktoum, il-viċi President u Prim Ministru, kif ukoll il-Ministru tad-Difiża u sovran tal-Emirati Għarab Magħquda. Fost dettalji xokkanti li ħarġu fis-smigħ hemm dak li din il-Prinċipessa, li hija s-sitt mara ta’ dan ix-sheikh biljunarju, waslet biex tħallas €8 miljuni biex iżżomm mistur sigriet – dak li kellha relazzjoni extra konjugali ma’ eks suldat Ingliż impjegat magħha. Minkejja li din ħallset lill-eks maħbub somma kbira ta’ flus mill-kont bankarju ta’ bintha biex iżommlu ħalqu magħluq, din xorta ma rnexxieliex b’konsegwenza li meta żewġha sar jaf, ħareġ b’attakki serji fil-konfront tagħha.

Ikkonsidrat bħala l-aktar divorzju sinjur bl-akbar ftehim ta’ manteniment multi miljunarju fl-Istorja tar-Renju Unit, is-sovran ta’ Dubai ġie ordnat iħallas madwar €650 miljun lill-eks mara tiegħu. Dan il-każ ħareġ fiċ-ċar l-istil ta’ ħajja lussuż li jgħixu s-sinjuruni l-kbar u kemm iberbqu ammonti esaġerati ta’ flus fil-ħin liberu u ta’ rikreazzjoni tagħhom.

F’xhieda li ngħatat skont ir-regolamenti tal-Qorti Ingliża, jingħad li l-Prinċipessa Haya, li għandha 47 sena u hija oħt ir-Re Abdullah II tal-Ġordan, “isselfet” xejn inqas minn €6.62 miljuni mill-kont bankarju ta’ bintha ta’ 10 snin biex tkun tista’ tħallas lil membru tas-sigurtà tagħha li miegħu kellha relazzjoni extra konjugali. 

Minn informazzjoni li saret pubblika f’dawn il-ġranet sar magħruf li t-tim tas-sigurtà tal-Prinċipessa milli jidher beda jhedded li jikxifha jekk ma tħallashomx. Fix-xhieda tagħha fil-qorti l-Prinċipessa Haya qalet li kienet imbeżża’ minħabba li kienet qiegħda tiġi rrikattata u li “dawk kienu l-unika flus li setgħet tuża”. 

Rabja esperessa f’poeżija fuq Instagram

Ix-sheikh li għandu l-età ta’ 72 sena, talab id-divorzju minn ma’ martu wara li sar jaf li qalbitielu u kien għalhekk li daħlu għal proċeduri fil-qorti. Din l-istituzzjoni rrimarkat li, “l-istil ta’ ħajja lussuża gawduta miż-żewġ partijiet huwa bla limitu” tant li l-imħallef fil-kawża ordna lill-mexxej sinjur biex iħallas lill-Prinċipessa miljuni f’manteniment bil-għan li hija u wliedha jkunu jistgħu jkomplu jgħixu bl-istess stil ta’ ħajja li kienu mdorrijin bih qabel spiċċa ż-żwieġ irjali.

Il-maġġorparti tal-ftehim finanzjarju huwa mmirat li jkopri spejjeż għas-sigurtà tal-Prinċipessa u wliedha ħalli jkunu protetti mill-istess sheikh li min-naħa tiegħu jikkonsidra lill-infedeltà ta’ martu bħala offiża kapitali. “L-aktar importanti f’dan ir-rigward… f’dan il-każ uniku… it-theddida li qegħdin jiffaċċjaw hija mix-sheikh innifsu u mhux minn sorsi oħra esterni,” spjega l-imħallef. 

Huwa żied jgħid li, “dan għandu taħt idejh it-tmexxija u l-kontroll tal-pajjiż kollu bl-użu tas-software Pegasus, li huwa disponibbli biss għall-gvernijiet”. Jingħad li x-sheikh għamel użu minn dan is-software biex jara x’informazzjoni fih it-telefon tal-Prinċipessa u tal-avukati tagħha.

L-Imħallef min-naħa tiegħu ta ħasla tajba lir-rikattaturi li s’issa għandhom ma ġewx mixlija fejn qal li, “dan huwa ovvjament episodju ikrah. Naf li ma smajtx il-verżjoni tal-allegati rikattaturi iżda, ħadd m’għandu jiġi rrikattat. Il-Prinċipessa wisq probabbli kienet imbeżża’ ħafna minħabba f’hekk”.

Il-baħar imqalleb fiż-żwieġ kien ilu jħabbat is-snin

Il-koppja ilha sseparata mill-2019 u dan kien fil-perjodu meta s-sheikh sar jaf bl-infedeltà ta’ martu. Haya ħadet lit-tfal, li llum il-ġurnata għandhom 14 u disa’ snin, lejn ir-Renju Unit. Fiż-żwieġ is-sheikh kien jagħti lill-Prinċipessa badġit annwali ta’ kważi €100 miljun għall-bżonnijiet “normali” tal-familja u €10.6 miljuni f’allowance għal kull wild tagħhom. Oriġinarjament f’dawn il-proċeduri Haya talbet li tingħata €1.7 biljuni f’manteniment għat-tfal li għandha mas-sovran ta’ Dubai.

Fis-smigħ il-Qorti ġiet esebita ritratti ta’ vaganzi li kienu jmorru din il-familja biljunarja fosthom fuq il-lanċa lussuża għall-aħħar tagħhom stmata li tiswa €350 miljuni. Barra minnhekk provi oħra wrew il-vilel u l-art proprjetà tagħhom, Boeing 747 mibni speċifikament għalihom u ħelikopters fuq l-istess stil. Il-familja kellha wkoll mill-inqas 80 persuna impjegata magħha bħala sefturi. Fil-qorti ħarġet ukoll informazzjoni sorprendenti li f’sajf minnhom din il-familja ta’ erba’ minn nies nefqet €1.8 miljuni fuq frawli.

L-ordni ta’ manteniment

Minkejja li l-qorti kienet ġeneruża ferm fil-kundizzjonjiet mogħtija f’dan id-divorzju, manteniment li żgur kien jissodisfa lil ħafna nisa oħra, il-Prinċipessa Haya qalet li hija ddiżappuntata għax l-imħallef ma nkuldiex ċerti affarijiet fosthom il-kollezzjoni ta’ ħwejjeġ tagħha tad-ditta stmata li tiswa €97 miljuni u l-ġojjelli li kellha b’valur ta’ €23 miljuni. 

Jingħad li fil-verità l-qorti ngħatat ritratt ta’ parti żgħira mill-kollezzjoni tal-ġojjelli tal-Prinċipessa. Din tal-aħħar qalet li dak li hemm fir-ritratt m’humiex fir-realtà d-deheb u djamanti kollha li hija kellha u allegat li qabel ittieħed ir-ritratt, twarrbu l-aktar affarijiet li jiswew il-flus. Kien għalhekk li meta l-imħallef staqsiha jekk tridx tinsisti li tieħu dawk li hemm fir-ritratt, hija sempliċiment qalet li le.

Hija “tilfet” ukoll l-istalla taż-żwiemel li kellha iżda minflok il-qorti ordnat lill-eks raġel tagħha jagħtiha:

* Madwar €6 miljuni biex tixtri ftit żwiemel li jinkludu l-finanzjament tal-kura tagħhom għal ammont ta’ snin;

* €6.18 miljuni fis-sena għal spejjeż ta’ ivjaġġar u vaganzi tat-tfal; 

* €1.15 miljuni oħra għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni;

* €221,000 għall-kura tal-annimali inklużi żwiemel; u 

* €115,000 għall-edukazzjoni privata ta’ wliedha.

It-talba biex iben il-koppja, Zayed li għad għandu disa’ snin, jingħata l-flus biex jixtri tliet karozzi oħra ma’ dik li diġà għandu, ġiet miċħuda. F’dan ir-rigward l-imħallef qal lill-Prinċipessa li, “inħoss li huwa lussu żejjed li tfal ta’ din l-età jkollhom vetturi u dan b’mod speċjali meta wieħed jikkonsidra l-etajiet tagħhom. Hekk jew b’hekk Zayed diġà għandu waħda u din ġiet irritornata lilu”.

L-imħallef li sema’ l-każ stqarr li dan id-divorzju kien wieħed uniku u li ħa pjaċir bil-fatt li l-Prinċipessa Haya trid li wlieda jitrabbew “ħajja normali”. Huwa qal li għamel mill-aħjar li seta’ biex jagħti sentenza ġusta u bbilanċjata fid-dawl li t-tfal kienu mdorrijin ħajja lussuża ħafna. Għalih, għaldaqstant, dan kien każ kompletament differenti minn dawk li s-soltu jippresjedi u jiddeċiedi fuqhom.

Aqra iktar: Ir-rabja ta’ Sheikh espressa pubblikament f’poeżija

Sport