Saturday, May 18, 2024

Ir-rapport ‘Fragile Planet’ tal-Bank HSBC jenfasizza ħtieġa għal azzjoni klimatika urġenti

Aqra wkoll

Is-seba’ rapport ‘Fragile Planet’ tal-Grupp HSBC, li eżamina kampjun ta’ 77 pajjiż, sab li mill-20 pajjiż li esperjenzaw l-akbar żidiet fit-temperatura matul dawn l-aħħar snin, 19 jinsabu fl-Ewropa. L-analiżi mill-fergħa ta’ Riċerka Globali tal-Grupp HSBC ikkonkludiet li hemm bżonn ta’ azzjoni urġenti dwar il-klima.

Ir-rapport investiga erba’ aspetti biex jifhem liema pajjiżi fil-kampjun huma aktar reżiljenti u vulnerabbli għar-riskji marbuta mal-klima li qed jiżdiedu. Ir-rapport iffoka fuq riskji ta’ tranżizzjoni (proporzjon ta’ dipendenza fuq il-karbonju fl-ekonomija nazzjonali ta’ pajjiż), riskji fiżiċi (bħal avvenimenti estremi tat-temp), governanza (politiki, kwalitajiet istituzzjonali, u saħħa finanzjarja), u opportunitajiet ekoloġiċi (potenzjali li jagħmlu profitti mid-dekarbonizzazzjoni).

Ir-rapport Fragile Planet tal-Bank HSBC jenfasizza li żieda fl-innovazzjoni teknoloġika, appoġġ ekonomiku u twassil tal-politika huma essenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju. Pajjiżi u l-kumpaniji li jieħdu azzjonijiet ta’ malajr u radikali għandhom il-potenzjal li jipproteġu aħjar is-soċjetà u l-komunitajiet, jibnu r-reżiljenza, u japprofittaw minn tranżizzjoni għal teknoloġija b’livell baxx ta’ karbonju.

Michel Cordina, Direttur Eżekuttiv u Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju u s-Sostenibbiltà Korporattiva tal-Bank HSBC Malta, qal li l-Bank HSBC Malta jagħraf li fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza korporattiva li jinkludu t-tibdil fil-klima, jistgħu jħallu impatt sinifikanti fuq individwi, negozji u komunitajiet u l-Bank jinsab impenjati li jħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija globali b’livell baxx ta’ karbonju, prinċipalment billi nappoġġaw il-klijenti tagħna fil-vjaġġ tagħhom lejn nett żero.

Sport