Sunday, December 22, 2024

IR-RAPPORT STOLPER

Aqra wkoll

Fix-xhur u s-snin qabel Malta ġiet dikjarata pajjiż indipendenti f’Settembru 1964, qamu kontroversji kbar dwar kif il-pajjiż seta’ jżomm fil-wiċċ jekk jinfatam għal kollox mir-Renju Unit. Bhiex se jgħix il-poplu Malti? Kif? X’seta’ jsir biex jinħolqu impjiegi ġodda fil-pajjiż jekk “jitilqu” l-Ingliżi? Ħafna erwieħ, tajba u le, kienu tassew imbeżżgħa minn x’seta’ jiġri.

Bl-għajnuna tal-Ġnus Magħquda, intbagħtet missjoni ta’ esperti mmexxija mill-Professur Wolfgang Stolper biex tqis is-sitwazzjoni u tagħti pariri dwar x’għandu jsir. Ir-rapport tagħha, imsejjaħ ir-rapport Stolper, ġie preżentat lill-gvern Malti f’Jannar 1964, sittin sena ilu.  Il-gvern aċċettah. Maż-żmien intesa, imma meta taqrah illum tifhem xi vjaġġ Malta għamlet minn meta telqet “għal rasha”.

Qed nerġgħu noħorġu, bħala ktieb “The Stolper Report” taħt it-tabella editorjali — quinque —  li jien niggwida. Qed nuruh fil-fasla “primittiva” tiegħu mqabbla mar-rapporti tal-llum, kollha xinxilli u ritratti sbieħ, hekk kif tpoġġa quddiem il-Prim Ministru  ta’ dak iż-żmien Ġorġ Borg Olivier, il-Kap tal-Oppożizzjoni Duminku Mintoff u l-mexxejja Maltin l-oħra.

Fih ħafna x’tixtarr.

L-ESTREM

Il-lemin estrem fl-Ewropa qed jikseb mat-terz tal-vot popolari. Fl-Islovakkja u fl-Olanda, jinsab f’koalizzjoni ta’ gvern. Fl-Ungerija jinsab fil-gvern u fl-Italja qed imexxi koalizzjoni tal-gvern, għalkemm sa issa f’tal-aħħar, jidher li l-esiġenzi Ewropej qed jimmansawh. Fi Franza u fil-Ġermanja qed isiru sforzi enormi biex jiġi mblokkat għalkemm il-forzi politiċi skjerati flimkien mhumiex daqstant ħbieb ta’ xulxin u diffiċli tara kif jistgħu jiftehmu bejniethom b’mod stabbli.

Jibqgħu mistoqsijiet enormi li l-partiti ta’ kontra l-lemin estrem fl-Ewropa mhumiex jagħrfu jirrispondu għalihom b’mod effettiv. X’inhu li qed iwassal daqstant nies li jduru lejn il-lemin estrem biex jagħtihom is-sodisfazzjon li jistennew mis-soċjetà? Kif jista’ jingħata das-sodisfazzjoni mingħajr ma l-Ewropa tieħu toroq li se jwasslu lejn il-faxxiżmu? 

BANKINI

Nisimgħu ħafna dwar traffiku jiżdied. Dwar toroq mibnija ħażin li jħawdu lis-sewwieqa u huma ta’ periklu. Anke, b’mod ħafna anqas qawwi, dwar il-bżonnijiet taċ-ċiklisti.

Huma kollha materji dawn tal-akbar interess li jeħtieġu attenzjoni. Kollha wkoll ixaqilbu lejn dawk li jsuqu… karozzi, muturi, roti. Imma mhux dawk li “jimxu” biex imorru minn naħa għall-oħra.

Pereżempju, qatt jew kważi ma jissemmew il-bankini. Numru wisq kbir minnhom jinsabu fi stat dilapidat. Anzjani u ommijiet bit-tfal fost oħrajn isibu diffikultajiet biex jgħaddu minn fuqhom u dejjem bil-biża’ li jistgħu jieħdu pass li jwassal għal xi waqgħa. 

Min hu responsabbli tassew mill-bankini? Il-gvern ċentrali permezz tad-dipartimenti u aġenziji tiegħu? Il-kunsilli lokali? Kemm hemm fondi għaż-żamma tal-bankini? Huma biżżejjed? Qed jintefqu kif imiss? 

Ekonomija

Sport