Friday, May 10, 2024

Ir-Rapport tal-MPE Alex Agius Saliba dwar is-Servizzi Diġitali mfaħħar mill-Kummissjoni Ewropea

Aqra wkoll

YouTube video

Waqt diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar ir-rispons tal-Ewropa għall-COVID-19, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Margrethe Vestager laqgħet ir-rapport ippubblikat riċentament mill-MPE Alex Agius Saliba.

“Nifraħlek għall-abbozz tar-rapport li preparajt. Rajt b’interess il-proposti differenti, u naħseb li fil-biċċa l-kbira ninsabu fuq l-istess paġna,” qalet Margrethe Vestager fil-Kumitat tas-Suq Intern.

Ir-rapport tal-MPE Agius Saliba jirrigwarda l-qasam tal-politiki diġitali u l-impatt tal-kriżi COVID-19 fuq is-servizzi diġitali. Ir-rapport huwa l-ewwel abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar kif is-servizzi diġitali, inklużi l-pjattaformi onlajn, għandhom jiġu rregolati.

Wara l-iskambju ta’ fehmiet ma’ Vestager u l-preżentazzjoni tal-abbozz tar-rapport tiegħu fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Parlament, ir-rapporteur Alex Agius Saliba qal hekk:

“Is-sitwazzjoni preżenti ta’ lockdown fil-pajjiżi Ewropej tikkonferma l-importanza li jkun hemm servizzi diġitali u pjattaformi onlajn effiċjenti ħafna biex il-pajjiżi, is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħhom jibqgħu joperaw f’livell bażiku. Bħalissa, is-settur diġitali huwa parti mis-soluzzjoni, u mingħajrha l-impatt tal-kriżi COVID-19 kien ikun ħafna agħar.

Huwa żied jgħid li dfortunatament, il-COVID-19 kixfet ukoll nuqqasijiet serji fil-mod kif pjattaformi bħal Google, Facebook, u Amazon huma rregolati fl-Ewropa. B’referenza għal dan il-MPE Agius Saliba spjega kif is-sistema qasmet u esponiet il-vulnerabbiltà tal-konsumaturi u l-utenti Ewropej għal prattiki illegali onlajn, bħall-bejgħ ta’ prodotti foloz jew illegali jew l-impożizzjoni ta’ żidiet abbużivi fil-prezzijiet fuq oġġetti essenzjali.

“Il-problemi relatati ma’ prattiċi illegali u prodotti mhux sikuri fuq l-internet jikkonċernaw mhux biss ingann relatat mal-kriżi COVID-19 iżda wkoll ħafna oqsma oħra bħall-ġugarelli, it-tessuti, il-kożmetiċi u t-tagħmir elettroniku li jidħlu fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea u jpoġġu s-sikurezza tal-konsumatur f’periklu.”

Il-MPE Agius Saliba saħaq li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali li hu mistenni li jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea fix-xhur li ġejjin għandu jagħti prijorità lill-protezzjoni tal-konsumatur u r-rekwiżiti ta’ trasparenza fuq il-pjattaformi diġitali. Huwa temm jgħid li l-Unjoni għandha tuża din l-opportunità biex tippromwovi t-teknoloġiji u s-servizzi diġitali b’konformità ma’ sett ta’ prinċipji etiċi li jirriflettu l-valuri Ewropej u li fl-aħħar mill-aħħar jipproteġu lill-konsumaturi, l-utenti u n-negozji Ewropej.

Sport