Il-Prinċep Harry u l-Prinċep Andrew se jitwarrbu għal dejjem mir-Re Karlu skont pjan li kien approvat mir-Reġina Eliżabetta II. Uffiċjali tal-Palazz ta’ Buckingham qed jiffinalizzaw dan il-pjan biex jevitaw kwalunkwe prospett futur tal-prinċpijiet Andrew u Harry li jieħdu post ir-Re.
Hekk kif l-attenzjoini kienet mumentarjament ‘l bogħod mill-Familja Rjali u ffukata fuq il-Prim Ministru l-ġdid Rishi Sunak u l-Kabinett tiegħu, ir-Re Karlu kien mehdi jagħmel riformi kbar.
Robert Hardman, awtur magħruf għax-xogħol tiegħu fuq il-familja rjali stqarr li r-Re qed jittama li jespandi l-grupp tiegħu ta’ konsulenti tal-istat biex jinkludi lil ħutu, il-Prinċipessa Anne u l-Prinċep Edward.
Kif hija l-prassi, fil-każ li r-Re Karlu ma jkunx jista jaqdi d-dmirijiet uffiċjali tiegħu temporanjament minħabba mard jew safar fit-tul barra mill-pajjiż, tnejn jew aktar jiġu maħtura b’ ‘Ittri Privati’ biex jaġixxu minfloku. Dawn jistgħu jinħatru minn fost l-erba adulti l-aktar anzjani fil-linja tas-suċċessjoni, flimkien mar-Reġina Konsort.
Ir-Reġina Consort, il-Prinċep ta’ Wales, id-Duka ta’ Sussex, id-Duka ta’ York u l-Prinċipessa Beatrice huma l-għażliet attwali.
Hardman kompla jistqarr li dawn il-pjanijiet jevitaw ‘kwalunkwe prospett futur li d-Duka ta’ Sussex jew id-Duka ta’ York ikunu involuti fl-affarijiet tal-istat fl-assenza tar-Re’. Skont l-espert irjali, dan diġà kien qed jiġi kkunsidrat xi xhur ilu, bl-approvazzjoni tar-Reġina.
Filwaqt li semma s-sors, huwa saħaq li l-Maestà Tagħha ma riditx teskludi għal kollox lid-Duka ta’ Sussex jew lid-Duka ta York u li r-Re qed ‘sempliċement isegwi dan’.
Il-Prinċep Andrew tneħħa mill-ħajja pubblika wara l-kawża li kellu kontrih ta’ attakk sesswali fl-Istati Uniti. Il-ħbiberiji mill-qrib tiegħu mal-pedofelu Jeffrey Epstein u d-delitti sesswali ta’ Ghislaine Maxwell għamluha wkoll diffiċli għalih li jirritorna għal kwalunkwe forma ta’ dmirijiet rjali.
Sadanittant, ikun aktar diffiċli għall-Prinċep Harry li jieħu r-rwol ta’ kunsillier tal-istat wara li mar jgħix fl-Istati Uniti ma’ martu Meghan.
L-istatus ta’ Andrew u Harry ġew ukoll mistoqsija fil-House of Lords nhar it-Tnejn. Lord Addington, Demokratiku Liberali, issuġġerixxa li l-membri rjali li jaħdmu u jaqdu dmirijiet irjali għandhom jingħataw prijorità għall-irwoli ta’ konsulenti tal-istat.
L-uffiċjali tal-Palazz Buckingham huma konxji li fi żmien ta’ taqlib ekonomiku kbir nazzjonali u nternazzjonali ikun ferm imbarazzanti jekk it-tmexxija bla xkiel u immedjata tal-gvern tkun f’daqqa waħda dipendenti fuq xi wieħed miż-żewġ duki erranti.