Friday, November 22, 2024

Ir-Re u r-Reġina ta’ Spanja ssuttati bit-tajn u insulentati

Aqra wkoll

Ir-Re ta’ Spanja u martu ġew issuttati bit-tajn u oġġetti oħra minn dimostranti rrabjati waqt żjara li għamlu f’Valencia li fil-jiem li għaddew intlaqtet minn għargħar kbir u devastanti. Saħansitra r-re ġie nsulentat u mgħajjar “qattiel” u “tal-mistħija” hekk kif kien għaddejja ma’ martu mill-belt ta’ Paiporta, waħda mill-agħar milquta fir-reġjun.

Ir-rabja tal-folla ma kinitx biss għar-re imma wkoll għall-prim ministru Pedro Sanchez li ntefgħu wkoll oġġetti lejh tant li kellu jiġi evakwat malajr. Ir-rabja tan-nies kienet l-iktar għal nuqqas perċepit ta’ twissija u appoġġ insuffiċjenti mill-awtoritajiet lil dawk milquta wara l-għargħar.

Sa issa, aktar minn 200 persuna nqatlu fl-għargħar, l-agħar li seħħ fi Spanja għal għexieren ta’ snin. Ħaddiema ta’ l-emerġenza u s-salvataġġ għadhom ifittxu fil-parkeġġi u l-mini taħt l-art bit-tama li jsibu nies ħajjin u jirkupraw ukoll il-katavri.

Filmati li xxerdu fuq il-midja soċjali wrew lir-re Felipe VI u lil martu r-reġina Letizia għaddejjin fi triq pedonali, qabel ma l-gwardjani personali u l-pulizija ġew sorpriżi minn dimostranti li bdew jixħtu insulti u jgħajtu.

Il-membri tas-sigurta kellhom jitħabtu biex iċċirkondaw b’mod protettiv lir-re, hekk kif xi wħud mid-dimostranti bdew igaraw it-tajn u oġġetti oħra lejh, tant li kellhom jinfetħu umbrelel biex jipproteġu l-koppja rjali.

Il-Prim Ministru Sánchez u l-kap tal-gvern reġjonali ta’ Valenzja, Carlos Mazón, ingħaqdu mal-koppja rjali fiż-żjara, iżda ġew evakwati malajr hekk kif il-folla saret dejjem aktar ostili. Il-midja Spanjola rrapporta li ġew mitfugħa oġġetti lejn Sánchez, filwaqt li filmati juru ġebel jintefa lejn il-karozza tiegħu hekk kif kien qed jiġi evakwat.

Ir-re u r-reġina u dawk ta’ madwarhom kellhom il-ħsieb li jivvjaġġaw ukoll lejn Chiva, belt oħra fil-provinċja ta?Valencia milquta ħażin mill-għargħar, iżda dik iż-żjara ġiet posposta.

Iktar tard, ir-re qal li fehem ir-“rabja u l-frustrazzjoni” tad-dimostranti f’filmat li poġġa fuq is-sit Instagram tal-palazz irjali.

Is-Sindku ta’ Paiporta, Maribel Albalat, sostniet li kienet ixxukkjata bil-vjolenza, iżda li fehmet “il-frustrazzjoni u d-disperazzjoni tan-nies”.

Nhar is-Sibt, il-prim ministru Sánchez ordna 10,000 bejn suldati, uffiċjali tal-pulizija u gwardjani ċivili fiż-żona. Qal li l-iskjerament kien l-akbar fi żmien ta’ paċi fi Spanja. Iżda żied jgħid li kien konxju li r-rispons “mhux biżżejjed” u rrikonoxxa “problemi u nuqqasijiet serji”.

L-għargħar beda nhar it-Tlieta, wara perjodu ta’ xita qawwija. L-ilma tal-għargħar malajr ikkawża l-kollass tal-pontijiet u l-ibliet inksew b’tajn oħxon.

Ħafna komunitajiet inqatgħu minn xulxin u tħallew mingħajr aċċess għall-ilma, ikel, elettriku u servizzi bażiċi oħra.

Nhar il-Ħadd, in-numru ta’ mwiet mill-għargħar tela’ għal 217, b’ħafna aktar possibilment għadhom neqsin. Kważi l-imwiet kollha kkonfermati s’issa kienu fir-reġjun ta’ Valencia fuq il-kosta tal-Mediterran.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport