Monday, December 9, 2024

Il-PA tiffinanzja r-rikostruzzjoni tal-Pont storiku li jinsab f’Wied l-Imġarr

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ħabbret li se tkun qed tiffinanzja r-rikostruzzjoni ta’ pont storiku f’Wied il-Mġarr, Għajnsielem.

Permezz tal-Development Planning Fund, mħaddem mill-Awtorità tal-ippjanar, dan il-proġett se jerġa’ jagħti l-ħajja lill-pont ikoniku b’arkata li darba kien jagħmel parti mill-wied, u jiffaċilità passaġġ lokali essenzjali sal-waqgħa tiegħu fis-snin ħamsin.

Il-wied ta’ Wied l-Imġarr, l-akbar mit-tliet widien ta’ Għajnsielem, jifrex mill-konfini tal-Lvant tar-raħal sa x-xtut tal-port tal-Imġarr. L-artijiet fertili tal-wied ġew ikkultivati għal ġenerazzjonijiet, u l-pont darba kien jipprovdi rotta importanti madwar il-wied kemm għar-residenti kif ukoll għall-bdiewa. Mibnija mill-ġebla tradizzjonali Maltija ta’ Franka, l- arkata tal-pont kienet ta’ madwar tmien metri, u serviet bħala punt ta’ referenza prominenti u aċċess prattiku. Għalkemm illum fadal biss fdalijiet tal-istruttura tiegħu, ritratti storiċi joffru referenzi dettaljati fuq il-forma oriġinali tiegħu, li jiggwidaw ir-rikostruzzjoni bi preċiżżjoni.

Iċ-Chairperson tal-development Planning fiund, il-Perit Ray Farrugia qal “l-appoġġ finanzjarju tal-Awtorità lejn dan il-proġett f’Wied il-Mġarr huwa eżempju xieraq tad-dedikazzjoni tagħna għar-restawr fi ħdan il-komunità. Billi niffinanzjaw dan il-proġett, mhux biss qed inqajmu ikona arkitettonika mitlufa iżda wkoll nerġgħu ngħaqqdu Għajnsielem mal-għeruq tagħha, insaħħu l-aċċessibbiltà u nippromwovu l-iżvilupp sostenibbli. Dan il-pont, li kien vitali għan-nies ta’ Għajnsielem, se jerġa’ jkun bħala xhieda tal-wirt dejjiemi u tal-wirt kondiviż tal-komunità.”

Din l-inizjattiva hija parti minn viżjoni usa’ għar-rivitalizzazzjoni tal-wied. Flimkien mar-restawr tal-pont, Eko-Għawdex se tieħu inizjattiva għat-tindif tal-widien, ikkumplimentata minn titjib fl-infrastruttura għall-ġbir tal-ilma tax-xita.

Il-proġett tal-pont qed isir mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u Eko-Għawdex.

Ekonomija

Sport