Minn VICTOR VELLA
‘Ridt nagħmel xi ħaġa biex ngħin lil dan il-pajjiż li laqgħani. Spiċċajt bla xogħol minħabba li r-ristornat fejn kont naħdem għalaq minħabba l-Coronavirus. Inħoss li dan il-pajjiż hu d-dar tiegħi. Ridt ngħin u kien għalhekk li vvolontarjajt biex inwassal provvisti lil dawk fil-bżonn u li ma jistgħux joħorġu minn djarhom”.
Dan jiddikjarah Fofana Moussa, ta’ 30 sena, immigrant li llum għandu l-istatus ta’ refuġjat. Oriġinarjament hu mill-Kosta tal-Avorju.
Bħal ħafna immigranti oħra, il-vjaġġ ta’ Fofana kien wieħed perikoluż għall-aħħar. Ivvjaġġa lejn diversi pajjiżi. Qasam id-deżert tas-Sahara u spiċċa l-Libja.
Il-vjaġġ fuq dinghi wasslu fi Sqallija fejn min hemm hu ivvjaġġa lejn Milan. Waħdu fil-belt ta’ Milan, hu beda jgħix ma’ koppja Taljana li laqgħetu għandha. Kienet koppja li kienet tifforma parti minn proġett biex familji Taljani jilqgħu għandhom biex jgħixu magħhom, immigranti u refuġjati.
Għex magħhom għal diversi xhur. Illum hu jgħix waħdu. Qabel il-coronavirus laqtet b’mod negattiv ħafna lil Italja hu kellu impjieg ma’ ristorant. Kien jaħdem bħal kok. Ġara li r-ristorant kellu jagħlaq. Fofana spiċċa bla xogħol. Dan ma qatgħalux qalbu . Iddeċieda li jutilizza l-ħin tiegħu biex jagħti daqqa t’id lill-kunsill ta’ fejn jgħix jiġifieri dak ta’ Novate Milaese. Fofana illum qed jgħin lil dan il-kunsill biex iwassal provvisti lil persuni vulnerabbli li ma jistgħux joħorħu minn djarom.
Fi kliem Fofana stess dan hu l-mod kif jista’ jgħin lil dan il-pajjiż li laqgħu u li b’hekk qed jittama li hu jrodd ukoll xi ħaġa lura.