Tuesday, December 24, 2024

IR-RELIĠJON GĦADHA RILEVANTI F’ĦAJJITNA?

Aqra wkoll

Il-poplu Malti għadu poplu Nisrani ferventi. Għadu fil-maġġoranza assoluta tiegħu jemmen li jeżisti Alla. Iżda x-xejriet juru li dawn bil-mod il-mod qed jinbidlu. Tant li n-nies li jiċħdu l-eżistenza ta’ Alla qed tiżdied. U għaliex qed isseħħ din il-bidla f’dak li tradizzjonalment kien b’saħħtu u issa jidher li qed tiddgħajjef?

Il-valuri tas-solidarjetà għadhom b’saħħithom f’pajjiżna. Dan huwa rifless fil-ħafna maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru minn żmien għal żmien. Dan ukoll huwa xi ħaġa spiritwali li l-Maltin huma rinomati għaliha. Iżda minkejja dan jidher li hemm xi ħaġa li qed tbiegħed lin-nies mhux biss mill-Knisja imma qed iċċekken il-fidi tagħhom.

Stħarriġ dwar dan li sar mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà dwar l-Istat tan-Nazzjon jagħtina stampa iżjed ċara fuq it-twemmin tal-Maltin. Fejn irriżulta li kwart ta’ ġenerazzjoni sħiħa, jiġifieri dawk bejn l-età ta’ 16 u l-25 sena, jiddikjaraw li ma jemmnux f’Alla. Ma nistgħux nifhmu imma jekk dan il-fatt tan-nuqqas ta’ twemmin f’Alla huwiex raġuni razzjonali jew empirika.

L-istess studju ma jitkellimx biss dwar ir-reliġjon imma dwar diversi temi li jolqtuna fil-ħajja ta’ kuljum. Minn għażliet li nagħmlu f’ħajjitna, il-bdil fis-sitwazzjoni finanzjarja sa temi oħra li jinkludu l-politika u l-kultura fost oħrajn.
Dwar ir-reliġjon iżda, tajjeb li nieqfu u nirriflettu ftit dwar ir-rilevanza tagħha f’ħajjitna. Fil-ħajja mgħaġġla tagħna ta’ kuljum, kemm qed jirnexxielna nsibu ħin għal Alla? Kemm hija importanti r-reliġjon fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna? Mistoqsijiet komplessi li għalihom jingħataw diversi tweġibiet.

Mill-istudju ħareġ li għalkemm kull sena qed jiġi nnutat tnaqqis, il-maġġoranza assoluta, 88.5%, ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ iddikjaraw it-twemmin tagħhom fl-eżistenza ta’ Alla.

L-istħarriġ tratta wkoll temi oħra importanti fosthom l-ilsien Malti, li jekk mhux se jkun hemm min jibża’ għalih se nqisuh xi ħaġa tal-imgħoddi. B’sodisfazzjon imma ninnutaw li aktar minn tliet kwarti tal-Maltin kollha jqisu l-Ilsien Malti bħala l-ilsien uffiċjali tagħhom. Din l-asserzjoni neħduha bħala sfida ċara lil dawk li lill-Malti ma jtuhx l-importanza li jistħoqqlu f’ħajjithom. Dan huwa ta’ min jifraħ bih.

Għalhekk nemmnu li studji bħal dawn għandhom jibqgħu jsiru għaliex jagħtu stampa verament ċara tas-soċjetà tagħna kif inhi llum u lejn fejn sejra fil-ġejjieni. Mhux biss, imma wkoll minnhom innifishom joffru wkoll opportunità għal rimedju ta’ dak li jkun qed isir ħażin, billi jitpoġġew fuq il-mejda rakkomandazzjonijiet li jwasslu għal dik id-direzzjoni għat-titjib.

Ekonomija

Sport