Il-vapes li jintremew wara li jiġu użati se jiġu pprojbiti madwar ir-Renju Unit sa tmiem din is-sena. Dwar dan il-Prim Ministru Rishi Sunak huwa mistenni li jħabbar pjanijiet ġodda.
Minbarra l-Ingilterra, il-gvernijiet tal-Iskozja u Wales diġa għandhom l-intenzjoni li jintroduċu leġiżlazzjoni biex jipprojbixxu dawn il-vapes li jintremew minħabba l-impatt ambjentali tagħhom u minħabba r-riskji li joħolqu għas-saħħa tat-tfal.
Skont studju tal-gvern, in-numru ta’ tfal li jagħmlu użu mill-vape ttripla f’dawn l-aħħar tliet snin, b’9% taż-żgħażagħ ta’ bejn 11 u 15-il sena jgħidu li saru vvizzjati. L-istess studju sab li dawn l-aħħar sentejn biss, in-numru ta’ dawk bejn 11 u 17-il sena li jpejpu u jużaw il-vapes li jintremew żdied b’madwar 900%.
Il-Prim Ministru Sunak se jħabbar il-pjanijiet, li se jiġu implimentati bl-użu taħt l-Att dwar il-Ħarsien Ambjentali. F’kumment li ta, huwa qal li kull ġenitur u kull għalliem fl-iskola jafu li waħda mill-aktar tendenzi inkwetanti bħalissa hi ż-żieda tat-tipjip tal-vapes fost it-tfal. Żied jgħid li għalhekk il-gvern irid jaġixxi qabel ma’ din il-problema ssir waħda endemika.
Minbarra li jipprojbixxi l-vapes li jintremew, Sunak wiegħed li se jkun qiegħed iressaq liġijiet ġodda biex ineħħi ċertu togħmiet li huma attraenti għat-tfal. Wiegħed ukoll li se jintroduċi ippakkjar sempliċi u li se jbiddel il-mod ta’ kif il-prodotti jinbiegħu fil-ħwienet.