F’nofs il-qilla tat-Tieni Gwerra Dinjija, Malta sabet ruħha fil-qalba ta’ wieħed mill-aktar assedji qalila fl-istorja moderna. Iżda lil hinn mill-istrateġija militari u l-pożizzjoni ġeografika, kien hemm il-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Malti, ħajja mifnija bil-ġuħ, biża’ u tbatija, imma wkoll mimlija dinjità, solidarjetà u sens profond ta’ komunità.
Ir-rakkonti tal-koppja anzjana Joseph u Marianne Agius Decelis jiftħu tieqa fuq din ir-realtà, fejn memorji ta’ tfulija jsiru xhieda ħajja ta’ żmien li llum diffiċli nifhmuh. “Ġuħ kbir u kull fejn tmur bil-mixi… bajda kienet tiswa xelin… għal ħobża ħallas b’ġiżirana tad-deheb,” jgħidu, f’deskrizzjoni qasira iżda qawwija ta’ kif l-ikel dak iż-żmien kien sar oġġett ta’ lussu.
Kant tat-tfal f’xelter waqt il-bombardamenti
Fil-Belt Valletta, taħt id-daqq kontinwu tas-sireni, it-tfal kienu jiġru lejn ix-xelters fejn il-ħajja kienet titkompla f’kundizzjonijiet limitati u tensjoni kostanti. Joseph jiftakar bitħa f’xelter ‘il fuq mill-bini tal-General Workers’ Union, fejn volontiera kienet iżomm lit-tfal miġbura jkantaw u jitgħallmu. Fost dawn il-memorji, baqgħet miegħu kanzunetta sempliċi f’realtà brutali ta’ bombi niżlin fuq Malta.
Il-ġuħ kien wieħed mill-akbar għedewwa. L-ikel kien irrazjonat u dejjem nieqes. Familji kienu jgħixu fuq biċċa ħobż biż-żejt u t-tadam, filwaqt li oħrajn kienu jixtru fdalijiet tal-ikel tal-baħrin – taħlita ta’ dak kollu li kien jibqa’ fuq il-vapuri. Marianne tiftakar kif iz-zijja tagħha kienet tiekol il-qoxra tal-ġidra u tagħti l-parti ta’ ġewwa lit-tfal.
L-ikel, f’dawk iċ-ċirkostanzi, kien sar aktar prezzjuż mid-deheb. Storja li tibqa’ tispikka hija dik ta’ missier Marianne li ta ġiżirana tad-deheb biex jixtri ħobża waħda. Att ta’ sagrifiċċju li juri kemm il-ħajja kienet miżmuma fuq xifer.
Sforz kontinwu imma l-ħajja kompliet
Madankollu, fost it-tbatija kien hemm ukoll mumenti ta’ ġmiel uman. Il-kultura Maltija kompliet tgħix, anke jekk f’forma sempliċi. Kanzunetti, tagħlim bażiku fix-xelters u l-fidi reliġjuża kienu pilastri li żammew lill-poplu tagħna wieqaf. Il-ħajja kompliet, anke jekk imċekkna.
Il-ħajja ta’ kuljum kienet tfisser ukoll sforz kontinwu. In-nies kienu jimxu kullimkien, spiss fuq stonku vojt. L-ilma kien limitat u mqassam, tant li familji kienu jippreferu jixorbu milli jinħaslu. Anke t-tisjir kien sfida. Injam miġbur minn bini mwaqqa’ kien jintuża biex jinxtegħel kenur.
Dawn l-esperjenzi ma kinux biss personali, iżda parti mill-memorja kollettiva ta’ poplu li għadda minn prova kbira u ħareġ minnha aktar b’saħħtu. Il-gwerra ħalliet marka profonda iżda wkoll saħħet sens ta’ identità u solidarjetà li għadu jinħass sal-lum.
Huma proprju dawn il-memorji ħajjin dwar it-Tieni Gwerra Dinjija tal-kopja Joseph u Marianne Agius Decelis li għada se jkunu rrakkontati fl-intier tagħhom f’intervista għada fuq IT-TORĊA.

