Matul il-jum tat-Tlieta, fil-bini tal-Parlament Ewropew ittella’ seminar li fih tkellmu r-rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2022. Il-poplu Ukren, li ngħata dan il-premju għall-qlubija li wera fil-ġlieda tiegħu kontra l-invażjoni Russa, kien rappreżentat minn persuni distinti li spikkaw fil-ħidma tagħhom waqt din l-istess invażjoni.
Ir-rebbieħa ta’ din is-sena kellhom sitwazzjoni bla preċedent fejn ħafna minnhom spiċċaw tilfu lil qrabathom u lil sħabhom u oħrajn saħansitra spiċċaw jaħarbu mill-pajjiż. Ir-reżistenza ta’ dan il-poplu hekk qalbieni ġiet rikonoxxuta anke fid-dawl tal-fatt illi li kieku ċedew, ir-riperkussjonijiet setgħu kienu ferm akbar.
Dokumentati sa issa 27,000 episodju ta’ ‘delitti tal-gwerra’ fl-Ukrajna
L-ewwel kelliema kienet Oleksandra Matviychuk, Avukata Ukrena li taħdem fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem u hi wkoll iċ-Chair taċ-Ċentru tal-Libertajiet Ċivili, li qalet li sa mill-bidu tal-invażjoni fl-Ukrajna, affaċċjaw livelli bla preċedent ta’ atroċitajiet. Spjegat kif f’dawn l-aħħar disa’ xhur, it-tim immexxi minnha ddokumenta xejn inqas minn 27,000 episodju ta’ “delitti tal-gwerra” allegatament imwettqa mit-truppi Russi fl-Ukrajna.
“Dan kollu għadu biss il-bidu hekk kif ir-Russja qiegħda tipprova tkisser ir-reżistenza tan-nies u tokkupa l-Ukrajna permezz ta’ dik li jiena nsejħilha ‘tbatija kbira fuq il-popolazzjoni ċivili.’ Aħna niddokumentaw it-tbatija umanitarja – stupru, torturi u ħtif ta’ persuni fost oħrajn,” qalet Matviychuk.
Hija tkellmet dwar l-esperjenza li għaddiet minnha familja minn Kyiv li kellhom jimxu f’belt oħra fil-pajjiż biex isibu kenn għalihom u għal binthom ta’ erba’ snin. Minkejja dan, hija sostniet li l-belt li marru fiha ġiet attakkata xorta waħda u tilfu lil binthom. “Din it-tifla mietet għax m’għadx hemm post sigur fl-Ukrajna.”
Finalment hija staqsiet min se jkun qed jipprovdi ġustizzja lil dawn il-mijiet ta’ eluf ta’ vittmi tal-gwerra. Tenniet li: “Vladimir Putin ma jibżax min-NATO. Putin jibża’ mil-libertà. Irridu naraw ġustizzja.”