Saturday, May 4, 2024

IPPREMJAT POPLU LI QED JOFFRI REŻISTENZA QUDDIEM GWERRA TAL-WAĦX

Aqra wkoll

Ta’ kull sena l-Parlament Ewropew jagħti l-Premju Sakharov biex jonora lil individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Wara li s-sena li għaddiet, il-premju ngħata lil Alexei Navalny għall-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Kremlin, din is-sena dan il-premju daqstant prestiġjuż ngħata lill-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna. Dan kien rappreżentat fil-Parlament Ewropew minn persuni distinti li l-iktar li spikkaw f’din il-gwerra li riesqa lejn l-għaxar xahar tagħha.

Il-fatt li dan il-ġurnal kien preżenti fi Strasburgu għall-preżentazzjoni ta’ dan il-premju seta’ jgħinna aħjar biex nifhmu iżjed it-tbatijiet ta’ dawn in-nies li minħabba dak li għaddej f’pajjiżhom, tbissima fuq fommhom tista’ tkun biss waħda bis-serqa. Kellna l-esperjenza li nkellmuhom aktar mill-qrib u hawnhekk spikkat it-taħlita ta’ emozzjonijiet tagħhom. Il-biża’ hija fattur li diffiċli jaħbu wara dawn l-aħħar xhur, b’uħud minnhom li saħansitra huma nfushom spiċċaw maqbudin u ttorturati mir-Russi. 

Madanakollu, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom li ma jċedux għall-oppressjoni tal-għadu hija wkoll xi ħaġa li stajna ninnutaw. Li rappreżentant ta’ belt maħkuma mir-Russi, li saħansitra għamel jiem maqbud u ttorturat, jgħid li l-Ukrajna determinata li tagħmel minn kollox biex fi żmien ftit xhur tieħu lura dak li kien tagħha qabel faqqgħet l-invażjoni u terġa’ tibda tibni l-Ukrajna ta’ qabel l-ewwel bombi, nemmnu li hija pożizzjoni ambizzjuża u ta’ ġieħ għall-poplu li jinsab f’baħar ta’ inċertezza.

Is-sabiħ tal-unjoni fi ħdan istituzzjoni daqshekk kbira bħalma hija l-Unjoni Ewropea huwa l-fatt li minkejja li dan il-pajjiż mhuwiex stat membru, l-istati li jappartjenu fiha qegħdin jirrikonoxxu l-karbiet tagħhom, il-karbiet tan-nies tagħhom u l-vittmi ta’ din il-gwerra, li bħal kwalunkwe gwerra oħra, mhux se twassal għal rebbieħ jew tellief. 

Fiċ-ċertezza nafu però li telliefa f’din il-gwerra hemm suldati qalbiena miż-żewġ pajjiżi u ċittadini innoċenti miż-żewġ pajjiżi li fosthom hemm anke tfal ċkejknin li lanqas kellhom l-opportunità li jifhmu l-iskop tagħhom f’din il-ħajja. Dan meta aħna bħala Maltin sikwit nisimgħu dwar il-bżonn li kull ċittadin Malti u Għawdxi jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu bi drittijiet fundamentali fosthom dak għall-edukazzjoni. Dan joħodna għal punt ieħor li ssemma mill-Ukreni. 

L-Ukreni li kienu jgħixu fi bliet li issa jinsabu taħt il-ħakma Russa tilfu anke dan id-dritt. Minbarra dawk li ħarbu, hemm oħrajn li qegħdin jaffaċċjaw għażla pjuttost ristretta. Jew jitilgħu bla edukazzjoni jittamaw li din il-gwerra tintemm ma ddumx, jew jitgħallmu taħt propoganda Russa li se ċċaħħadhom mill-patrijottiżmu tagħhom bħala Ukreni jew li jissuggraw li jaċċessaw l-ekudukazzjoni limitata li qiegħda tingħata bil-moħbi minn xi Ukreni, liema għażla tista’ twassal għal konsegwenzi ferm koroh jekk jinqabdu.

Il-poplu Ukren kompla wkoll bl-appell tiegħu għal kull forma ta’ għajnuna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tagħha, Malta qiegħda tagħmel il-parti tagħha hekk kif sa minn Marzu li għadda, għaddiet madwar €1.7 miljun f’assistenza ta’ emerġenza lill-Ukrajna. Din kienet tinkludi assistenza bilaterali li primarjament iffokat fuq tagħmir mediku u mediċina. Dan juri li għalkemm Malta hija limitata fir-riżorsi tagħha, u n-newtralità hi parti integrali mill-kostituzzjoni ta’ pajjiżna, qiegħda tagħti sehma b’mod attiv lejn din it-theddida li hemm fuq l-Ukrajna.

Sport