Tuesday, May 14, 2024

Illum jingħata bidu għat-tieni round tal-BOV Kampjonat Premier

Aqra wkoll

Proprju llum jingħata bidu għat-tieni round tal-BOV Kampjonat Premier bl-aqwa partita tkun bejn ir-rivali Hibernians u Valletta filwaqt li l-leaders Hamrun Spartans jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jilagħbu kontra Marsaxlokk.

Ta’ nota huwa l-fatt li dan il-programm se jintlagħab kmieni minħabba li nhar is-Sibt u l-Ħadd se jintlagħbu l-aħħar żewġ logħbiet tat-Tazza tad-Dinja … dik għat-tielet post li tkun segwit bil-finali.

Hibernians v Valletta – Dan huwa konfront bejn żewġ rivali li ġejjin minn rebħa … Hibernians fuq Floriana (1-0) u Valletta fuq Marsaxlokk (2-1).

Bħalissa Hibernians jin­sabu fit-tieni post tal-klassifika u b’ċans tajjeb li jikkwa­lifikaw għall-UEFA Con­­­ference League.

Il-Pawlisti għandhom vantaġġ ta’ disa’ punti fuq il-Beltin li jinsabu fit-tmien post, b’dawn tal-aħħar jim­miraw għal rebħa biex jib­qgħu jittamaw li jistgħu jis­fidaw għal post f’kompetizzjoni Ewropea.  

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Ferdinando Apap għal Hiber­nians u Eslit Sala għal Val­­­letta.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1.

Sta Lucia v Gzira U. – Gzira United jilagħbu kontra Sta Lucia fejn iridu jkomplu jibnu fuq ir-rebħa ta’ 2-0 fuq Zebbug Rangers minħabba li fiż-żewġ partiti preċedenti huma kisbu biss punt u għaldaqstant ma jistgħux jitilfu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuqhom.

Min-naħa ta’ Sta Lucia, dawn jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar u għaldaqstant rebħa għalihom hija impe­rattiva hekk kif tidher li l-ġlieda għas-salvazzjoni se tinkludi wkoll lil Zebbug Rangers u lil Pietá Hotspurs.

Iż-żewġ timijiet m’għandhomx problemi ta’ players neqsin filwqt li l-Gżirjani jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Gabriel Bohrer Mentz u Jefferson De Assis minn sospensjoni.

Fl-ewwel round il-Maroons ħarġu rebbieħa bl-is­kor ta’ 3-1.

Sirens v Birkirkara – Sirens għandhom partita diffiċli meta jiltaqgħu kontra Birkirkara fejn jimmiraw li jpattu għat-telfa ta’ 2-0 tal-ewwel round.

Filwaqt li huma jinsabu fl-għaxar post, l-Istripes qed igawdu t-tielet post fejn jimmiraw għat-tielet rebħa konsekuttiva biex ikomplu l-isfida tagħhom għat-tieni post hekk kif tidher ċara d-destinazzjoni tat-titlu.

L-uniku player sospiż hu­wa dak ta’ Birkirkara, Kurt Zammit. 

Gudja U. v Mosta – Gudja United jiffaċċjaw lil Mosta fejn l-għan tagħhom huwa li jilħquhom fil-ħames post tal-klassifika.

Filwaqt li l-Gudjani tilfu ħamsa mill-aħħar seba’ logħbiet, il-Mostin rebħu ħamsa mill-aħħar sebgħa biex b’mod gradwali qabżuhom fil-klassifika.

Għal din il-partita, iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli b’Gudja jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Fa­rid Romero Zuniga minn sospensjoni.

Fl-ewwel round, Gudja ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Zebbug R. v Balzan – Din hija partita bejn żewġ timi­jiet li ġejjin minn telfa bil-pressjoni tkun fuq Zebbug Rangers li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.

Min-naħa ta’ Balzan, jin­sabu xxamplati f’nofs il- klassifika ‘l bogħod mill-biż­­għa tar-relegazzjoni iżda jin­sabu wkoll ‘il bogħod milli jisfidaw għal post fl- Ewropa. 

Huma jimmiraw li jagħ­mlu double fuq iż-Żebbuġin meta fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.

Iżda huma għandhom liż-żewġ players, Samir Arab u Milos Zlatkovic, sospiżi.

Marsaxlokk v Hamrun S. – Il-leaders Hamrun Spartans jiffrontaw lil Marsa­xlokk li ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames partiti li fihom kisbu biss żewġ punti … biex l-aspettattiv li jispiċċaw fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika ħadu daqqa ta’ ħarta kbira meta jinsabu fil-11-il pożiz­zjoni.

Min-naħa tal-Ħamruniżi, ma għandhom l-ebda pressjoni fuqhom minħabba li għandhom vantaġġ ta’ seba’ punti fil-quċċata u għal­daqstant il-coach jista’ jagħmel rotazzjoni ta’ players.

Fil-veritá, kif jidhru l-affarijiet dan il-kampjonat se jiżvolġi f’purċissjoni meta wieħed jistenna li l-Ispartans se “jaħarbu” waħedhom.

Huma mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli minħabba li l-players huma kollha għad-dispożizzjoni.

Min-naħa tagħhom, Mar­saxlokk għandhom lil Emerson Vella sospiż iżda huma se jkunu msaħħa bir-ritorn tat-tliet players, Oscar Carniello, Kristian Keqi u Juan Cruz Aguilar, minn sospesjoni. 

Fl-ewwel round, l-Ispartans rebħu bl-iskor ta’ 1-0. 

Pietá H. v Floriana – Floriana jiltaqgħu kontra Pietá Hotspurs li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.

Il-Greens jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara li fl-aħħar żewġ logħbiet huma kisbu biss punt.

Anke l-Hotspurs jimmi­raw għal rebħa wara li kisbu biss punt mill-aħħar sitt ħarġiet.

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Christian Rutjens għal Floriana u Zean Leonardi għal Pietá.

Fl-ewwel round Floriana kien rebħu 2-0.

PROGRAMM KOLLU:

Illum

Centenary Stadium

6.30 pm: Sta Lucia v Gzira U.

Għada, 16 ta’ Diċembru

Tony Bezzina Stadium

6.00 pm: Sirens v Birkirkara

8.15 pm: Gudja U. v Mosta

National Stadium

6.00 pm: Zebbug R. v Balzan

8.15 pm: Marsaxlokk v Hamrun S.

Is-Sibt, 17 ta’ Diċembru

Tony Bezzina Stadium

1.00 pm: Pietá H. v Floriana

Tony Bezzina Stadium

1.00 pm: Hibernians v Valletta

Sport