Friday, December 20, 2024

IR-RIBELLJONI TA’ PRIGOZHIN FIR-RUSSJA 

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

L-awtorità ta’ Vladimir Putin, il-President Russu, ġiet kompromessa bil-kbir fl-24 ta’ Ġunju li għadda, meta grupp ta’ merċenarji li kienu qegħdin jiġġieldu ġewwa l-Ukrajna għan-nom tal-istess Putin, telqu miż-żona tal-Ukrajna li hija okkupata mir-Russi u bdew mixja lejn il-kapitali Moska sabiex jisfidaw lit-tmexxija Russa.

Matul din il-mixja ta’ kważi 800 kilometru f’ġurnata wahda, dan il-grupp ta’ merċenarju magħruf bħala l-Wagner, ħadu l-kontroll ta’ żewġt ibliet kbar u saħansitra waqqgħu xi ħelikopters u qatlu xi truppi Russi sakemm iddeċidew li jwaqqfu l-mixja tagħhom meta kienu biss madwar 200 kilometru ‘l boghod minn Moska mingħajr ma ġew attakkati lura mill-forzi tal-ordni Russi.

Minkejja li din il-mixja ġiet fi tmiemha kif diġà għedna, din kienet daqqa ta’ ħarta oħra għal Putin li issa wara li falla bil-kbir fil-gwerra tal-Ukrajna, gwerra li suppost damet biss ftit ġimgħat u li issa ilha sejra aktar minn 16-il xahar, qiegħed jidher li lanqas huwa kapaċi jipproteġi kif suppost is-sigurtà nazzjonali ta’ pajjiżu.

Putin jinqela f’żejtu?

Ironikament, dan il-grupp ta’ merċenarji li issa dar kontra l-President Russu huwa l-kreazzjoni ta’ ħadd ħlief l-istess Putin. Il-mexxej tal-Wagner huwa Yevgeny Prigozhin. Dan Prigozhin, wara li kien għamel xi żmien il-ħabs, kien waqqaf kumpanija li tmexxi numru kbir ta’ restoranti wara li jingħad li kien imbuttat minn konoxxenzi li huma qrib ħafna ta’ Putin. Prigozhin ifforma wkoll grupp ta’ merċenarji li marru jiġġieldu bi ħlas gewwa l-Afrika, s-Sirja u appuntu ġewwa l-Ukrajna.

Dawn il-gruppi merċenarji ħadu spinta ‘l quddiem minħabba l-paranoia li jingħad li għandu l-President Russu li l-Armata Russa qiegħda taħmi xi ħaġa kontra tiegħu, paranoia li wasslitu sabiex jafda aktar lil dawn il-gruppi ta’ kuntratturi militari mill-istess suldati tal-armata ta’ pajjiżu. Il-media internazzjonali kemm-il darba qalet ukoll li Putin kellu bżonn lil dawn il-merċenarji sabiex jikkommetti ħafna krimini tal-gwerra li huwa kien jidhirlu li kellhom bżonn isiru mingħajr ma tkun esposta l-armata u allura r-reputazzjoni tar-Russja b’mod dirett. Hemm ukoll diċerija li Putin kien saħansitra uża lill-istess Prigozhin sabiex għen lil Donald Trump jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali tal-2016.

L-inkwiet ma’ Prigozhin

Huwa appuntu minħabba d-differenzi li għandu Putin mal-armata li Putin spiċċa bl-inkwiet ma’ Prigozhin u l-grupp ta’ merċenarji tiegħu. Dan l-aħħar, sabiex ineħħi xi ftit mis-saħħa tal-Armata Russa fil-gwerra tal-Ukrajna, Putin ried li l-gruppi tal-merċenarji jibdew jirrispondu lill-Ministru tad-Difiża u mhux lill-armata kif kienu jagħmlu sa ftit taż-żmien ilu. Dan kollu ma tantx għoġob lil Prigozhin u dan dar kontra l-gvern Russu u beda jxerred ħafna diskors li Putin ma kienx qiegħed imexxi l-gwerra tal-Ukrajna b’mod tajjeb u li kien il-kaġun ta’ ħafna mwiet ta’ suldati Russi.
 
Putin jaqa’ għaċ-ċajt

Din ir-ribeljoni tal-Wagner naqqset ħafna l-kredibilità tal-President Putin. Dan minħabba li meta Prigozhin beda l-mixja tiegħu lejn Moska dan issorprenda bil-kbir lill-gvern u lill-armata. Dan jindika li s-servizzi sigrieti Russi lanqas biss kellhom ħjiel ta’ dak li kien qiegħed jinħema.

Ftit sigħat wara li Prigozhin beda r-ribeljoni tiegħu, Putin indirizza lin-nazzjon u għajjar lil Prigozhin bħala traditur u wiegħed lir-Russi li dan kien sejjer jiġi kkastigat bil-kbir għal dak li kien qiegħed jaghmel. Kien proprju fuq dan il-punt li Putin reġa’ waqa’ ghaċ-ċajt mal-poplu Russu kollu meta ftit sigħat wara huwa qabel li jħalli lil Prigozhin u sħabu jmorru l-Belarus minflok żamm kelmtu u arrestahom bħala tradituri.

Il-futur ta’ Putin

Sezzjoni tal-media internazzjonali qiegħda tgħid li dan l-episodju kien il-bidu tat-tmiem ta’ Putin. Biss, f’dan l-istadju, dan l-argument huwa kemmxejn ottimist iżżejjed meta wieħed iqis li Putin għad għandu l-Armata Russa warajh.

Biss, hija ħaġa kważi ċerta li l-andament tal-gwerra tal-Ukrajna qiegħed iqajjem ħafna mistoqsijiet fost il-poplu Russu kemm Putin għadu f’pożizzjoni li jaċċerta li din il-gwerra ma ddurx kontra r-Russja f’dawk li huma offensivi militari. Fuq kollox, ġewwa r-Russja hemm ħafna ommijiet u missirijiet li qegħdin jibku lil kważi mitt elf suldat li sa issa tilfu ħajjithom ġewwa l-Ukrajna.

Minbarra l-problema ta’ kredibilità li semmejna, jidher li n-nuqqas kbir fid-dħul mill-bejgħ tal-gass kawża tas-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja mill-pajjiżi tal-punent sejjer jagħmilha diffiċli ħafna għal Putin sabiex jiffinanzja offiża kbira li hija mistennija mill-armata Russa ġewwa l-Ukrajna.

Minkejja li r-ribeljoni tal-merċenarji tidher li giet imrażżna, il-fatt li f’dan l-istadju hekk delikat tal-gwerra, Putin sejjer ikollu bżonn joqgħod jaħli r-riżorsi tiegħu sabiex iżomm ir-riedni tat-tmexxija f’idejh, żgur sejjer ikun ta’ żvantaġġ kbir għalih.

F’dan l-istadju il-pajjiżi tal-punent għandhom jibdew jaħsbu rigward iċ-ċirkostanzi li jistgħu jiżviluppaw kemm-il darba sseħħ il-waqgħa ta’ Putin. Finalment, żgur li ħadd ma jista’ jserraħ rasu jekk dan il-pajjiż li għandu madwar 4,000 arma nukleari jispiċċa fil-kaos.

Ekonomija

Sport