Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fil-pjazza tal-Marsa għaddejjin b’ritmu tajjeb, bħala parti minn viżjoni aktar wiesgħa għall-iżvilupp tal-Port il-Kbir, b’attenzjoni speċjali fuq il-lokalità tal-Marsa.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Dr Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa marbut direttament mal-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir imħabbar il-ġimgħa li għaddiet.
Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll rappreżentanti mill-Kunsill Lokali tal-Marsa inkluż is-sindku Luke Farrugia, kif ukoll it-tim tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC).
“Dan il-proġett fil-pjazza tal-Marsa jorbot ma’ dak li ħabbarna l-ġimgħa li għaddiet meta ressaqna l-pjan tagħna għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, b’attenzjoni partikolari fuq iż-żona tal-Marsa,” qalet il-Ministru Dalli. Hija żiedet li, “din ir-riġenerazzjoni tibni fuq dan il-proġett u fuq ħafna proġetti oħra li saru fil-Port il-Kbir, sabiex bi proġett wieħed wara l-ieħor inkomplu nagħtu l-ħajja lil dawn il-lokalitajiet.” Il-Ministru saħqet li, “din il-pjazza rridu li terġa’ tkun post għall-komunità, fejn inġibu l-Marsin flimkien u jkun hawn attività fil-qalba tal-lokalità tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, spjega fid-dettall il-ħidma li qed titwettaq fiċ-ċentru tal-Marsa. “Hawnhekk għaddejja r-riġenerazzjoni taċ-ċentru tal-Marsa, li tibda minn ħdejn ir-roundabout fit-tarf ta’ Triq is-Salib u tkompli sa quddiem il-knisja. Il-proġett huwa maqsum fi tliet fażijiet, u li l-ewwel fażi, li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqha tikkonsisti fil-ħajt tul din it-triq, li mhux biss ġie rranġat iżda qed jiġi wkoll miksi bil-ġebla tal-franka biex jerġa’ joħroġ l-aspett oriġinali tat-triq kif kien meta nbniet.”
Is-Sur Cauchi żied li quddiem dan il-ħajt se jitħawlu numru ta’ siġar u arbuxxelli, flimkien ma’ passaġġi pedonali, biex inżidu l-ħdura f’żona tal-Marsa li s’issa kienet nieqsa minn dan l-element. Dwar it-tieni fażi, spjega li din hija fażi maġġuri li tikkonsisti fir-riġenerazzjoni sħiħa taż-żuntier ta’ quddiem il-knisja, li se jerġa’ jieħu l-forma oriġinali tiegħu, bil-parti kollha ta’ quddiem tkun ‘pedestrian priority’, inkluż il-pavimentar tat-triq u ta’ Triq Balbi sa Triq il-Pont. Fit-tielet fażi ser isir xogħol f’Triq is-Salib li se tinbena mill-ġdid bis-servizzi kollha.

