Fi tmiem il-Karnival 2026, li għal darb’oħra wera livell għoli ta’ kwalità, kreattività u dedikazzjoni, l-Ewroparlamentari Daniel Attard saħaq li mingħajr il-volontiera ma jkunx hemm karnival, festi jew tradizzjonijiet. “Il-kultura tagħna hija ħafna aktar wiesgħa minn dawn l-avvenimenti, iżda dawn jibqgħu pilastru ewlieni ta’ dak li jagħmilna Maltin,” sostna Attard.
Attard, li qed imexxi x-xogħol tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Ewropea għat-Turiżmu Sostenibbli, ippreżenta proposti konkreti biex il-volontarjat kulturali jingħata rikonoxximent u sostenn strutturat fuq livell Ewropew.
Fost dawn hemm il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għall-Wirt Intanġibbli, kif ukoll il-ħolqien ta’ skema li tinċentiva u tgħin lil dawk li għandhom passjoni għall-arti u t-tradizzjonijiet biex, fejn possibbli, jiżviluppawha f’karriera professjonali. “Dan ikun ta’ benefiċċju doppju: opportunità għal min irid jispeċjalizza, u titjib fil-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodott kulturali tagħna,” qal Attard.
Madankollu, huwa enfasizza li l-professjonalizzazzjoni mhijiex dejjem possibbli jew mixtieqa. Għalhekk fir-rapport tiegħu, l-Ewroparlamentari Laburista qed jappella wkoll għal miżuri ta’ rikonoxximent għall-volontiera, inkluż, fejn fattibbli u f’kuntest bilanċjat, il-possibbiltà ta’ leave addizzjonali bħala forma ta’ kumpens fuq livell Ewropew.
Attard spjega li eluf ta’ voluntiera jużaw il-leave personali tagħhom biex jaħdmu fuq karrijiet, nar, armar u attivitajiet kulturali oħra, minflok iqattgħu dan il-ħin mal-familja. “Miżura bħal din ma tkunx piż fuq l-ekonomija, iżda investiment. Il-wirt kulturali intanġibbli huwa parti essenzjali mill-prodott turistiku tagħna, li minnu noħolqu l-ġid u nqassmuh għand kulħadd,” sostna Dr Attard.
Huwa żied jgħid li miżuri bħal dawn għandhom ikunu mfassla b’responsabbiltà u b’rispett lejn ir-realtajiet tas-suq tax-xogħol, iżda fl-istess ħin jirriflettu l-valur li l-volontiera jikkontribwixxu għall-identità nazzjonali u Ewropea.
“Meta nirrikonoxxu u ninċentivaw il-ħidma tal-volontiera, inkunu qed ninvestu mhux biss fil-kultura, iżda fil-futur ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna u tal-Ewropa,” temm jgħid Daniel Attard.

