Wednesday, April 24, 2024

“Ir-rilaxx fil-miżuri ma żidux il-periklu fis-saħħa” – Il-Ministru Chris Fearne

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Claudio Coleiro 

“Għandna pjan ta’ tranżizzjoni li ilna nsegwuh mill-aħħar ta’ April u mexjin ma’ dan il-pjan. In-numri qed juru li l-azzjonijiet li ħadna kienu meqjusa u ma żidux il-perikli.” 

Sostna dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’intervista li saritlu minn Inewsmalta hekk kif ilbieraħ pajjiżna sebaħ b’aħbar sabiħa illi ma kellna l-ebda każ ġdid ta’ Covid-19.

Din kienet it-tieni darba li pajjiżna ma rreġistra l-ebda każ ġdid minn meta feġġ l-ewwel każ lura fis-7 ta’ Marzu. L-aħħar darba li Malta ma kellhiex każ kien proprju xahar ilu.

Tul dawn l-aħħar 11-il ġimgħa tal-pandemija, Malta rat il-figuri jitilgħu u jinżlu bl-ogħla rata ta’ każijiet kien fis-7 ta’ April meta kien hemm 52 każ u l-inqas rata kienet fiż-żewġ okkażjonijiet fejn ma kien hemm l-ebda każ, ilbieraħ u s-26 ta’ April.

Kien fl-aħħar ġimgħat li n-numri baqgħu relattivament baxxi minkejja li żdiedu n-numru ta’ testijiet li saru. L-aħħar figuri juru li b’kollox sa issa saru aktar minn 63,000 swab test.

Mill-banda l-oħra, jirriżulta li fl-aħħar 24 siegħa ma kienx hemm persuni oħra li fiequ, biex b’hekk it-total ta’ nies imfejqa baqa’ dak ta’ 485. L-ammont ta’ każi attivi bħalissa huwa ta’ 120.  

Intant, Malta kienet imfaħħra wkoll minn barra għall-mod ta’ kif affaċċjat il-pandemija fejn anke kienet deskritta ta’ eżempju għal pajjiżi oħra. Is-suċċess ta’ pajjiżna huwa kkonfermat mill-fatt li bħalissa għaddejjin mill-perjodu ta’ tranżizzjoni bl-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin ikomplu jsegwu s-sitwazzjoni kif qiegħda tiżviluppa.

“Il-miżuri li bdejna nnaqqsu fil-bidu ta’ Mejju kienu bilgħaqal u bbażati skont ir-risk assessment”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa stqarr li f’dawn l-aħħar jiem rajna li n-numru ta’ każijiet ġodda u n-numru ta’ pazjenti fl-isptarijiet tagħna kienu baxxi tant illi fl-ITU ma hemm l-ebda pazjent pożittiv għall-Covid.

“Fl-istess waqt”, żied jgħid Fearne, “l-R Factor jinsab fir-reġjun ta’ 1. Dik kienet dejjem il-mira tagħna li nżommu l-R Factor 1 jew inqas, li jfisser li n-numri jibqgħu kkontrollati u ma jkollniex iżjed pazjenti milli tiflaħ tieħu s-sistema tas-saħħa.

“Jidher ċar li l-miżuri li bdejna nnaqqsu fil-bidu ta’ Mejju, kienu miżuri li daħħalnihom bilgħaqal u bbażajnihom skont ir-risk-assessment li dehrilna li hu f’postu. Fil-fatt il-figuri li għandna llum jikkonfermaw li l-miżuri li daħħalna kienu pass tajjeb.”

Huwa kompla jgħid li l-miżuri li ġew rilaxxati ftit tal-jiem ilu, se nkunu nistgħu naraw l-impatt tagħhom fil-ġimagħtejn li ġejjin. Kien hawn fejn sostna li: “llum nistgħu ngħidu li l-ewwel pass li għamilna kien pass għaqli. Qed nistennew li r-riżultati jibqgħu simili.” 

Għalhekk qal li hu importanti li dawk il-miżuri li hemm diġa’ fis-seħħ jibqgħu jiġu osservati għax jekk le jkollna sitwazzjoni ta’ figuri li l-awtoritajiet ma jkunux jafu humiex riżultat tal-miżui li qed jiġu rilaxxati jew hux riżultat ta’ xi laxkezza jew nuqqas ta’ responsabbiltà li tkun differenti mill-miżuri li jkunu qed jiġu rilaxxati. 

Huwa saħaq li kull aġir li ma jkunx skont id-direttivi li jinħarġu minn żmien għall-ieħor jista’ mhux biss iwassal għal żieda fin-numri imma jfixkel ukoll il-progress ta’ rilaxx ta’ aktar miżuri fil-ġimgħat li ġejjin. “Ta’ min jgħid li l-proċess qed isir b’mod xjentifiku. Qed inħarsu u nieħdu d-deċiżjonijiet fuq l-evidenza.”

“Dan huwa importanti. Għax meta qed naraw li dak is-sett ta’ miżuri li rrilaxxajna fil-bidu ta’ Mejju taw ir-riżultati li xtaqna jfisser li l-pubbliku jista’ jkollu fiduċja li dawk l-istituzzjonijiet li jistgħu jerġgħu jibdew jagħtu s-servizzi, dawk il-ħwienet li jistgħu jerġgħu jiftħu, bil-miżuri ta’ mitigazzjoni li nagħmlu magħhom, huma siguri.”

“Jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, nkunu nistgħu nibqgħu nirrilaxxaw b’mod organizzat”

Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li se nkomplu b’din ix-xejra ta’ numri baxxi, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa enfasizza li din il-pandemija li ninsabu fiha hi ġdida għad-dinja kollha u allura wieħed ma jistax jgħid x’se jiġri minn ġurnata għall-oħra.

“Għalhekk hu importanti li l-passi li nieħdu, neħduhom b’mod kawt u organizzat. Li jinkwetana hu jekk hemm affarijiet li qed isiru b’mod spontanju li mbagħad meta tiġi biex tanalizza l-figuri ma tkunx taf x’inhu r-riżultat ta’ xiex. Jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, nkunu nistgħu nibqgħu nirrilaxxaw b’mod organizzat,” qal Fearne. 

Huwa qal ukoll li wieħed ma jistax jgħid li għax ġej is-sajf se tispiċċa din il-pandemija u jkun perikoluż jekk nassumu dan. “Jista’ jkun li fis-sajf tonqos din l-imxija imma jista’ jkun ukoll li t-tnaqqis fin-numri huma purament riżultat tal-mod kif il-pubbliku qed ikun responsabbli u joqgħod attent mill-kunċett ta’ social distancing. Ċerti li din tagħmel effett u importanti li nibqgħu nżommu dan il-kunċett.” 

Staqsejnih ukoll jekk jibqgħu dawn il-figuri baxxi liema se jkunu dawk l-oqsma fejn ikun hemm aktar rilaxx ta’ miżuri. Huwa spjega kif hemm numru ta’ servizzi tas-saħħa, li huma essenzjali, li reġgħu bdew deħlin bil-mod il-mod. Huwa qal li l-istadji li jmiss huma dawk li għandhom x’jaqsmu maċ-childcare, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi. 

Fearne qal ukoll li “irridu nħarsu lejn il-Qrati, il-kwistjoni tal-isport li issa rridu nmorru minn sport individwali għal sport bħala tim u l-kwistjoni tas-safar. Waħda mill-iżjed diffiċli huwa li tagħmel attivitajiet ta’ ġemgħat kbar mingħajr is-social distancing.” 

Mistoqsi dwar it-trasport bl-ajru u l-ftuħ tal-portijiet, huwa spjega kif il-pjan ta’ tranżizzjoni tal-awtoritajiet huwa magħmul minn diversi fażijiet u li dawn ma jaqgħux mal-ewwel fażijiet. “Huma fażijiet li naslu għalihom eventwalment. Kull miżura li ħadna saret bil-ħsieb li tkun temporanja. Qatt ma għedna li mhux se jerġgħu jiftħu ristoranti, hairdressers jew ma jkunx hawn turisti. Imma l-virus irridu nibqgħu nibżgħu minnu u rridu nżommu f’moħħna li jista’ jagħmel il-ħsara. Sakemm in-numri jibqgħu tajbin u nibqgħu nieħdu ħsieb il-miżuri ta’ mitigazzjoni, inkunu nistgħu nipproċedu minn fażi għall-oħra.”

Sport