Saturday, December 14, 2024

IR-RILEVANZA TAR-RELIĠJON F’ĦAJJITNA

Aqra wkoll

L-istudju li sar mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà dwar l-Istat tan-Nazzjon jagħtina stampa iżjed ċara fuq diversi temi li jolqtuna fil-ħajja ta’ kuljum. Minn għażliet li nagħmlu f’ħajjitna, il-bdil fis-sitwazzjoni finanzjarja sa temi oħra li jinkludu l-politika, l-ambjent u anke r-reliġjon. 

Dwar din tal-aħħar, tajjeb li nieqfu u nirriflettu ftit dwar ir-rilevanza tar-reliġjon f’ħajjitna. Lil Alla nfittxuh biss meta niġu bżonnu? Fil-ħajja mgħaġġla tagħna ta’ kuljum, jirnexxilna nsibu ċans għaliH? Kemm hija importanti r-reliġjon fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna? 

Mill-istudju ta’ Dr Marmarà joħroġ li aktar minn 90% tal-poplu ddikjara li jemmen f’Alla u li aktar ma tikber l-età, iktar titqies importanti r-reliġjon fil-ħajja tal-bniedem. Għall-pensjonanti pereżempju r-reliġjon hi ta’ importanza kbira f’ħajjithom. 

Jekk inħarsu lejn iż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk bejn is-26 u l-35 sena, kien hemm kważi 12% li ddikjaraw li ma jemmnux f’Alla. Dan minnu nfih jagħti indikazzjoni li t-twemmin f’Alla huwa inqas predominanti f’din il-faxxa ta’ età minn dawk akbar fl-età.

F’dan l-isfond nemmnu li l-Knisja għandha tkun aktar miftuħa u titfa’ ħarsitha fuq din il-ġenerazzjoni li tiela’, li wara kollox huma l-futur tas-soċjetà. Il-Knisja trid tkun iżjed pro-attiva u safejn hu possibbli tmur hi stess għand in-nies. Nemmnu li fl-aħħar snin saru sforzi tajbin f’dan ir-rigward iżda fadal xi jsir. 

Huwa minnu li l-pandemija xekklet ftit mhux ħażin mill-ħidma tal-Knisja f’dawn l-aħħar sentejn. Ir-restrizzjonijiet imposti wasslu biex il-Knejjes kellhom jingħalqu u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Quddies kellhom jiġu trażmessi fuq it-televiżjoni. Iżda issa li tneħħew għalkollox dawn ir-restrizzjonijiet, in-nies reġgħu bdew jikkonkorru għall-Quddies.

Għaldaqstant nemmnu li r-reliġjon xorta waħda għadha rilevanti għall-maġġoranza tal-poplu. Nemmnu wkoll li m’għadux iż-żmien li n-nies tmur għand is-saċerdoti iżda li s-saċerdoti jmorru għand in-nies, jisimgħu l-weġġħat tagħhom, ikunu ta’ spalla għalihom u jifhmuhom. Fl-aħħar mill-aħħar, Knisja li tisma’ u li tilqa’ hi Knisja inklussiva.

Ekonomija

Sport