Thursday, December 26, 2024

Ir-ritorn tal-ġlied bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan

Aqra wkoll

Minn Ruben Briffa

L-Armenja u l-Ażerbajġan, żewġ pajjiżi ġirien fil-Kawkasu, jinsabu fi stat imminenti li jibdew gwerra bejniethom fuq il-provinċja magħrufa bħala n-Nagorno-Karabakh. 

Mit-28 ta’ Settembru ‘l hawn, iż-żewġ armati diġà sparaw fuq xulxin f’diversi drabi u saħansitra nqatlu madwar 15-il persuna. Daqs tliet xhur ilu, diġà kien hemm numru ta’ attakki miż-żewġ naħat, li fihom tilfu ħajjithom madwar 16-il persuna oħra. 

Iż-żewġ pajjiżi ilhom is-snin imqabbdin f’xulxin fuq in-Nagorno-Karabakh u seba’ provinċji oħra li huma mmexxija mill-Armenja, minkejja li l-komuntà internazzjonali tirrikonoxxihom bħala territorji tal-Ażerbajġan.

L-oriġini tal-kunflitt

L-inkwiet ma jaqta’ xejn fuq in-Nagorno-Karabakh għandu l-għeruq tiegħu fi kriżi politika li ilha teżisti għexieren ta’ snin bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja. Dan it-tilwim kontinwu bejn dawn iż-żewġ pajjiżi ġirien ġewwa l-Kawkasu huwa fuq fejn għandha tkun il-fruntiera bejniethom.

Minkejja li l-propagandasti politiċi taż-żewġ pajjizi ilhom is-snin jindottrinaw liċ-ċittadini rispettivi tagħhom li ż-żewġ popli huma tant differenti li ma jistgħux jgħixu flimkien, il-verità hija li huma jappartjenu għall-istess kultura u etniċità, minkejja li għandhom reliġjonijiet u lingwi differenti.

Il-pożizzjoni ġeografika tal-Kawkazu, li jinsab bejn tliet qawwiet militari kbar bħalma kienu l-Persja, li minnha ħareġ l-Iran, l-Imperu Ottaman li matul iż-żmien ġie kkondensat fit-Turkija u l-Unjoni Sovjetika li ħalliet l-influwenza tagħha f’dan ir-reġjun f’idejn ir-Russja, wassal sabiex matul is-sekli l-abitanti tal-Kawkazu għaddew minn ħakkiem għall-ieħor. 

Minkejja li tista’ tgħid kull ħakkiem tal-pajjiżi tal-Kawkazu għamel xi forma jew oħra ta’ eżerċizzju ta’ departazzjonijiet sabiex jikkontrolla l-persentaggi ta’ popli differenti li jgħixu f’reġjun partikolari, naturalment sabiex jiffaċilitaw il-kontroll tagħhom fuq dawn il-pajjiżi, iċ-ċittadini komuni kienu draw jgħixu flimkien. 

Fil-bidu tas-seklu 19, l-Imperu Russu għaqqad fi ħdanu żona kbira mill- Kawkazu, li qabel kienet f’idejn l-Iran, u li fiha kien hemm appuntu r-reġjun magħruf bħala l-Karabakh, li fil-lingwa tal-Ażerbajġan tfisser bħala l-Ġnien l-Iswed. 

L-Armenja u l-Ażerbajġan ħarġu minn żewġ reġjuni li l-Ksar Russu kien ħoloq minn tliet reġjuni li kien ħa minn taht idejn il-Persjani li kien jisimhom bħala l-Baku, li minnha ħareġ l-isem tal-Kapitali tal-Ażerbajgan, l-Elizabeth Paul u l-Yerevan li minnha ħareġ l-isem tal-Kapitali Armena.

Mal-waqgħa tal-Imperu Russu, fl-1920, l-Armenja, l-Ażerbajġan u pajjiż ieħor garr, il-Georgia, għażlu sabiex bejniethom jifformaw stat ġdid. Però, dawn malajr iġġieldu bejniethom u t-tlieta li huma ħadu l-indipendenza. Kien hawn li bdiet is-sensiela ma taqta’ xejn ta’ ġlied fuq il-fruntieri bejniethom. 

L-ewwel gwerra kienet bejn l-Armenja u l-Georgia, fejn tal-ewwel ħadu xi provinċji li kien ilhom snin twal f’idejn il-Georġjani. Il-gwerra li kien imiss kienet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fuq numru ta’ provinċji. Il-ħruxija ta’ din il-gwerra kompliet tiżdied bl-indħil ta’ pajjiżi oħra bħall-Imperu Ingliż u dak Ottoman minħabba l-ħazna kbira ta’ żejt li hemm fir-regjun. 

Fl-1920, l-Ażerbajgan kien kważi rebaħ kien il-gwerra, meta l-Komunisti Russi attakkaw lill-Ażerbajġan, naturalment ukoll minħabba ż-żejt. L-Armenja nqdiet bl-okkażjoni u ħadet taħt idejha numru ta’ reġjuni mit-territorju tal-Ażerbajġan. Biss, l-Armenja ma damitx wisq ma messha l-istess xorti tal-Ażerbajgan u mbelgħet mir-reġim komunista Russu, l-istess kif ġara lil Georgia. 

Taħt il-ħakma ta’ Moska, l-Ażerbajġan u l-Armenja komplew jippruvaw jiksbu territorji mingħand xulxin permezz ta’ numru ta’ petizzjonijiet li kienu jibagħtu ż-żewġ pajjiżi lill-Kremlin. Fl-aħħar il-Kremlin qatagħha li minħabba raġunijiet storiċi, demografiċi, ekonomiċi u politiċi, r-reġjun tal-Karabakh kellu jkun parti mill-Ażerbajġan. 

L-istorja ma waqfitx hawn għaliex fl-1924, Stalin, il-mexxej Sovjetiku, iddeċieda fuq aktar tibdil fil-Kawkazu. Fost tibdil ieħor, il-mexxej Sovjetiku waqqaf ir-reġjun awtonomu tan-Nagorno-Karabakh ġewwa l-Ażerbajġan. Stalin hazzez il-konfini ta’ dan ir-reġjun ġdid b’tali mod li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tiegħu jkunu Armeni li kienu jgħixu fit-territorju tal-Ażerbajġan. Dan it-tibdil mill-Kremlin xorta ma ġabx l- istabilità li forsi xtaq Stalin għaliex l-mexxejja lokali komplew jattwaw sensiela ta’ deportazzjonijiet minn reġjun għall-ieħor.

Iċ-ċirasa fuq il-kejk waslet fi tmiem is-snin tmenin, waqt li l-Unjoni Sovjetika kienet qiegħda tieħu l-aħħar nifsijiet tagħha, meta l-maġġoranza Armena tan-Nagorna-Karabakh ivvutat sabiex dan ir-reġjun isir parti mill-Armenja minkejja li ma kienx magħqud ġeografikament magħha. Dan wassal għal aktar deportazzjonijiet ta’ minoranzi Azeri u Armeni mill-Armenja u l-Ażerbajġan rispettivament.

Il-kunflitt fi żminijietna

Kien hemm bosta attentati miż-żewġ gvernijiet sabiex il-kriżi bejniethom tissolva permezz tad-diplomazija. Fl-1991, iż-żewġ pajjiżi laħqu ftehim bejniethom. Però, kollox sfaxxa fix-xejn meta id moħbija waqqgħet helikopter b’numru ta’ negozjaturi miż-żewġ naħat. Dik il-ħabta, il-media internazzjonali kienet mimlija allegazzjonijiet li wara din it-traġedja kien hemm is-servizzi sigrieti Russi.

Fl-isfond ta’ ħafna atroċitajiet miż-żewġ naħat, fl-1992 kien reġa’ sar attentat ieħor ta’ rikonċiljazzjoni, din id-darba bl-Iran jieħu l-parti ta’ medjatur. Biss, eżatt kif kien sejjer jiġi ffirmat il-ftehim, ġeneral Armen iddeċieda li jinvadi belt Azera u dan wassal sabiex għat-tieni darba ġie sfrattat il-ftehim. Għal darba oħra, il-media internazzjonali kienet akkużat lir-Russja li kienet hija l-moħħ wara dan l-attakk fuq il-paċi fil-Kawkazu.

F’xenarju ta’ ħafna glied intern fost il-politiċi Azeri, l-Ażerbajġan kompla l-gwerra mal-Armenja li issa kienet ħalliet mijiet ta’ eluf ta’ vittmi. L-Armenja reġgħet inqdiet b’okkażjoni u kompliet tinvadi aktar territorji Azeri. 

Fl-1994, l-Ażerbajġan ma kellux għażla oħra għajr li jiffirma ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li ħalla l-Armenja fil-pussess tan-Nagorno-Karabakh u seba’ provinċji oħra. Sa dak iż-żmien, il-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien kienet il-kaġun li kważi miljun u nofs ruħ, miż-żewġ naħat, spiċċaw bħala refuġjati.

Sadittant bejn l-1998 u l-1999 kien kważi ntlaħaq ftehim iehor. Però għat-tielet darba kollox reġa’ sfaxxa meta grupp ta’ terroristi invada l-parlament Armen u nqatlu tmien parlamentari. Għal darba oħra, il-media internazzjonali akkużat lir-Russja li kienet hi li organizzat dan l- attentat.

Fl-2007, reġgħu bdew id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Fost l-aktar punti importanti fuq l-aġenda kien hemm li l-Armenja tirritorna s-seba’ provinċji lill-Ażerbajġan. Rigward in-Nagorno-Karabakh, kien hemm talba sabiex dan iżomm l-awtonomija tiegħu u li sakemm jintlaħaq ftehim ikun hemm konnessjoni fiżika mal-Armenja. Biss, s’issa għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

Gwerra li taf tinfirex

Gwerra bejn dawn iż-żewġ pajjiżi taf tinfirex aktar fir-reġjun minħabba r-relazzjonijiet li għandhom l-Armenja u l-Ażerbajgan mar-Russja u t-Turkija rispettivament. It-Turkija diġà ddikjarat li serja tkun qiegħda tgħin lill-Ażerbajġan f’dan il-konfront. Fil-fatt, diġà saru diversi akkużi mill-gvern Armen li t-Turkija diġà daħlet f’dan il-ġlied.

Fuq in-naħa l-oħra, r-Russja għandha ftehim ta’ difiża mal-Armenja li jagħmel l-indħil ta’ Putin inevitabbli. Dan il-konfront bejn dawn iż-żewġ popli huwa każ ieħor ta’ deċiżjonijiet żbaljati jew ta’ nuqqas ta’ rfiegħ xieraq ta’ responsabbilità minn pajjiżi kbar fil-konfront ta’ pajjiżi oħra li fil-passat kienu maħkuma minnhom. 

Fuq kollox, hemm possibiltà kbira li huwa fl-interess ta’ pajjiżi bħar-Russja li f’dan ir-reġjun ikun hemm stat permanenti ta’ tensjoni. Żgur li l-fatt li r-Russja għandha ftehim ta’ għajnuna militari mal-Armenja filwaqt li fl-istess hin tbigħ l-armi lill-Ażerbajġan jgħin sabiex din l-allegazzjoni fil-konfront tar-Russja tkun aktar u aktar kredibbli.

Ekonomija

Sport