Thursday, December 26, 2024

“Ir-riżultati ma ġġibhomx mill-Facebook iżda billi tgħix il-politika kuljum”

Il-Ministru Aaron Farrugia jisħaq fuq il-bżonn ta’ aktar infurzar fit-toroq

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia ddikjara fil-Parlament li r-riżultati jinkisbu meta titlaq minn fuq Facebook u tgħix il-politika fil-ħajja ta’ kuljum.
Huwa stqarr dan dalgħodu waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji għall-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli, fejn aċċenna wkoll dwar il-bżonn ta’ diskussjoni wiesgħa u matura li tħares fit-tul biex ikunu indirizzati l-isfidi li għandna quddiemna.
Waħda minn dawn kienet l-isfida tat-traffiku, bil-Ministru jgħid li hemm bżonn ta’ iktar infurzar fit-toroq tagħna minn diversi entitajiet fosthom il-LESA, Transport Malta u anke l-Pulizija.
Intant, fid-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia tkellem dwar id-differenza li hemm bejn politiċi li jgħixu fuq il-midja soċjali u l-politiċi li jaħdmu ta’ kuljum. Semma l-każ tal-ħlas tax-xufiera tal-linja Maltin meta kkumparati ma’ dawk tar-Renju Unit, li għamel referenza għalih il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Adrian Delia.
“Delia qalilna mort fuq Facebook u kxiftom. Qalilna mbagħad ġiet riżolta. Ġiet riżolta għax għandek politiku li jgħix fuq Facebook iżda politiċi bħalna li jċemplu l-operatur, jiċċaraw u l-għada jkollok stqarrija ċara ħafna. Dawk huma r-riżultati li ġġib,” qal Farrugia.
Huwa semma wkoll kif fil-pre-budget document tal-Partit Nazzjonalista jissemma li t-traffiku żdied. “Mur obsor. Ebda proposta f’dan id-dokument tal-PN. Baħħ totali,” qal Farrugia.
“Għandna bżonn bidliet u dak li rrid nagħmlu. Deċiżjonijiet diffiċli li rridu nieħdu biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem. Irridu naraw kemm ħaddiema taċ-ċivil jistgħu jidħlu jaħdmu mid-dar, u tal-privat x’inċentiv hemm, it-trasport b’xejn għall-istudenti minn kemm qed jintuża? Hemm bżonn diskussjoni, naraw prattiċi tajbin u nagħmlu bħalhom.”
Il-Ministru Farrugia tkellem ukoll dwar l-investiment ta’ €34 miljun biex tkun elettrifikata l-flotta tal-vetturi tal-linja. Hawn qal li fix-xhur li ġejjin se jiġu 25 karozzi tal-linja elettriċi.
Dwar il-Metro, huwa qal li Transport Malta bħalissa għaddejja bil-‘Feasability Study’, liema studju se jiġi jiswa €100,000. “Ladarba jitlesta l-istudju, niġi quddiem il-poplu Malti u Għawdxi u ngħid kemm se jiġi jiswa u li dan huwa l-mudell, niħduh jew le? Trasparenza totali f’dak li huwa trasport tal-massa.”

“Ir-reklamazzjoni tal-art… trid tittieħed deċiżjoni” – Edward Zammit Lewis
Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis tkellem dwar ir-reklamazzjoni tal-art fejn qal li ilu jintqal ħafna dwar dan is-suġġett però issa wasal iż-żmien li tittieħed deċiżjoni. “Hemm studju tajjeb tal-ERA u l-Ministru (Aaron Farrugia) wera d-determinazzjoni tiegħu f’Ġunju dwar is-settur.”
“Hemm siti speċifiċi rridu naraw x’se nagħmlu jekk hux se nagħtu investiment privat, infrastruttura pubblika, proġetti ta’ enerġija rinovabbli. Ma neskludi kieku xejn f’dan l-istadju.
“Nitttama li l-Oppożizzjoni ma jkunx hemm xi żewġ proġetti li nipproponuhom u jkunu kontrihom ukoll. Nappella għal raġjonevolezza tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward,” qal Zammit Lewis.
Huwa tkellem ukoll dwar l-industrija tas-super yachts fejn qal li għandna nies professjonali b’settur turistiku li huwa wieħed b’saħħtu iżda jistenna li jkun hemm inqas burokrazija amministrattiva filwaqt li jsiru l-verifiki li jkun hemm bżonn.

Delia jgħid li l-peak hour f’Malta saret kull siegħa
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, il-Mobilità, l-Avjazzjoni u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia qal li ninsabu “f’sitwazzjoni prekarja” fejn id-diskussjoni nbidlet mit-traffiku għat-traġedji. Qal li sa issa din is-sena kellna 24 fatalità fit-toroq, ‘l fuq minn 1,000 midruba u 2,000 inċident aktar meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Kompla jgħid li minn meta ġie ppreżentat il-budget sal-lum, żdiedu 1,430 karozza fit-toroq, jiġifieri 65 karozza fit-toroq kuljum. “Minflok nibdew naraw kif se ntaffu l-problema, il-Ministeru jgħidilna li jrid jara aktar karozzi fit-toroq tagħna kuljum,” kompla jgħid Delia. F’dan ir-rigward żied jgħid il-peak hour f’Malta m’għadhiex assoċjata ma’ ċertu ħin tal-ġurnata iżda kull siegħa.
Qal li huwa tajjeb li jkollna cycle lanes u mezzi ta’ trasport alternattivi imma l-affarijiet iridu jsiru bil-ħsieb. Dwar il-metro, huwa qal li ma jissemma xejn fil-budget u saħaq li rridu naraw x’inhi l-aqwa sistema tat-trasport tal-massa u mil-lum nibdew naħsbu għaliha. “Għax ma tantx baqa’ żmien. Ma tantx jifilħu aktar it-toroq tagħna u n-negozji tagħna,” qal Delia.
Ma naqasx milli jitkellem dwar l-iscooters, u enfasizza l-bżonn li jkun hemm xi tip ta’ qafas regolatorju fir-rigward ta’ dan il-mezz ta’ trasport alternattiv. “Tara garaxxijiet u bankini mblukkati bl-iscooters. X’ma jiżdidux l-inċidenti!”, qal il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport.

Ekonomija

Sport