Tuesday, December 24, 2024

Ir-Russja b’attakk qawwi fuq l-infrastruttra elettrika tal-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li r-Russja wettqet “attakk massiv” li fil-mira tiegħu kien hemm is-sistema elettrika tal-pajjiż. Huwa qal li dan l-attakk kien wieħed “mifrux ħafna” fejn reġjuni fin-Nofsinhar, fil-Punent, fil-Lvant u fit-Tramuntana ġew milqutin. Kawża ta’ dan l-attakk, kwazi 1.5 miljun dar jinsabu mingħajr provvista tal-elettriku. 

Minkejja dan kollu, Zelensky qal li ħafna mill-missili Russi u drones qed jitwaqqgħu mill-forzi Ukreni qabel dawn jolqtu l-mira tagħhom u tenna li dan mhu se jkollu l-ebda effett fuq l-avvanzi militari li qiegħda tirreġistra l-Ukrajna. 

Fid-diskors li jagħmel kull filgħaxija, Zelensky qal li, “ovvjament aħna għad m’għandniex l-kapaċità teknika li nwaqqgħu 100% tad-drones u missili Russi. Gradwalment se jaslu għal dan – bl-għajnuna ta’ sħabna, jiena kunfidenti dwar dan.” Matul il-ġimgħa li għaddiet l-Ukrajna ntlaqtet b’mewġa ta’ attakki mill-ajru li wasslu biex kważi terż tal-impjani tal-enerġija Ukreni jitkissru. 

Fl-aħħar serje ta’ attakki kienu rrapportati fir-reġjun  ta’ Cherkasy,  fil-belt ta’ Khmelnytskyi kif ukoll f’Odesa u Lutsk. Zelensky qal li f’dan l-aħħar attakk ġew sparati xejn inqas minn 36 rokit li skontu ħafna minnhom twaqqgħu. Huwa żied jgħid li f’diversi żoni s-sistema tal-elettriku treġġgħet lura għan-normal ftit tal-ħin wara. 

Uffiċjali Ukreni li tkellmu mal-midja qalu li l-istrateġija tar-Russja hija li ssir kemm jista’ jkun ħsara fuq infrastruttura krtika qabel ix-xitwa. Huma tennew li ma’ kull suċċess li l-Ukrajna qiegħed ikollha fil-battalja, il-ħajja tan-nies ċivili se tkun qiegħda tispiċċa dejjem iktar fil-mira tal-armata Russa. 

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, Zelensky kien ukoll akkuża lir-Russja li qiegħda tpoġġi splussiv fid-diga idroelettrika fir-reġjun ta’ Kherson, żona li bħalissa tinsab f’idejn ir-Russi. Huwa żied jgħid li jekk dan l-impant ikun imkisser, mijiet ta’ eluf ta’ persuni jispiċċaw f’riskju ta’ għargħar kbir. Min-naħa tagħha r-Russja ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet u qalet li huma l-Ukreni stess li qed jisparaw missili lejn din id-diga.

Ekonomija

Sport