Sunday, December 22, 2024

Ir-Russja lesta twaqqaf il-gwerra minnufih

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kundizzjonijiet għall-paċi b’ebda talba li jittieħed lura Kyiv jew territorji oħra fl-Ukrajna

Il-gwerra fl-Ukrajna, li bdiet b’invażjoni f’dik li r-Russja qiegħda ssejjaħ bħala operazzjoni militari, tista’ tiġi fi tmiemha minnifih ladarba l-Ukrajna taċċetta lista ta’ kundizzjonijiet mogħtija mill-Kremlin. Il-lista titlob biex l-Ukrajna tkun pajjiż newtrali, li tneħħi l-armamenti kollha tagħha u li tirrikonoxxi l-Crimea bħala stat Russu. Barra minnhekk ir-Russja trid li l-Ukrajna tirrikonoxxi lil Donetsk u Lugansk bħala stati indipendenti. Dan ġie mħabbra nhar it-Tnejn li għadda minn kelliem uffiċjali tal-Kremlin. F’ebda mill-kundizzjonijiet ippreżentati mir-Russi m’hemm mitlub li din is-super potenza terġa’ tieħu jew tokkupa l-belt ta’ Kyiv jew xi territorji oħra fl-Ukrajna.

Jekk l-Ukrajna taċċetta dawn il-kundizzjonijiet il-gwerra u dak kollu li ġġib magħha, tieqaf. Jieqfu l-bombardamenti li qegħdin jikkawżaw eluf ta’ mwiet, ferimenti, immigrazzjoni tal-massa u t-tifrik tal-pajjiż tant sabiħ u mimli potenzjal tal-Ukrajna. 

Mill-bidu ta’ dan il-konflitt li wassal għal sanzjonijiet ferm ħorox fil-konfront tar-Russja u ċ-ċittadini tagħha inkluż in-negozjanti biljunarji, il-President tagħhom Vladimir Putin insista li hemm aġenda ġeo-politika moħbija mill-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent. Putin li ma jridx theddid militari fil-konfini ta’ pajjiżu u lanqas qtil ta’ ċittadini Russi f’territorji fl-Ukrajna, wera l-punt tiegħu meta poġġa fuq il-mejda it-talbiet Russi biex tintemm minnufih il-gwerra fl-Ukrajna. 

Il-kelliem tal-Kremlin, Dmitry Peskov, ikkonferma li Moska qiegħda titlob li l-Ukrajna ttemm l-azzjoni militari tagħha, tbiddel il-kostituzzjoni billi tħaddan in-newtralità, tikkonferma li l-Crimea bħala territorju Russu u tirrikonoxxi li Donetsk u Lugansk bħala stati indipendenti. 

Il-Kremlin laqa’ talba għall-għajnuna…

Ir-Russja dejjem insistiet li kienet għażla tal-poplu tal-Crimea li jerġgħu jingħaqdu mar-Russja u huwa kien laqa’ t-talba tagħhom. Rigward iż-żewġ stati indipendenti ġodda riċenti, Moska saħqet li f’dawn iż-żewġ żoni hemm ħafna Russi li għal tmien snin sofrew attakki mill-forzi Ukreni u li talbu l-għajnuna tal-Kremlin biex ma jibqgħux taħt idejn l-Ukrajna. Fi ftit kliem, ir-Russja ddefendiet iċ-ċittadini ta’ Donetsk u Lugansk.

Din il-lista ta’ talbiet mir-Russja hija l-ewwel stqarrija uffiċjali s’issa li għamlet biex twaqqaf dak li hija ddeskriviet bħala “operazzjoni militari speċjali” li tinsab fit-tieni ġimgħa tagħha. Din il-ġimgħa stess, ir-Russja ħabbret li għandha evidenza ta’ theddida għas-sigurtà mhux biss tagħha, iżda mondjali, li turi li l-Istati Uniti qiegħda tiffinanzja laboratorji għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ armi bijoloġiċi fl-Ukrajna. 

Barra minnhekk, f’rapporti internazzjonali jingħad li r-Russja qerdet xejn inqas minn 2,900 infrastrutturi militari fl-Ukrajna. Dan l-ammont kbir ta’ faċilitajiet fl-Ukrajna juri għala r-Russja qiegħda tinsisti li tneħħi l-armamenti mill-pajjiż ġar tagħha. L-Ukrajna ġiet imwegħda sħubija man-NATO kif ukoll applikat biex tissieħeb mal-Unjoni Ewropea. Passi li għall-Kremlin huma ta’ theddida wisq viċin il-konfini tiegħu. 

F’intervista ma’ Reuters Peskov qal li l-Ukrajna hija infurmata bil-kundizzjonijiet tar-Russja u li ġew mgħarrfa li “kollox jista’ jieqaf immedjatament jekk taċċettaw”. Fir-rigward, l-Ukrajna għadha ma esprimiet ebda opinjoni. 

Dan ifisser li l-Ukrajna u l-president tagħhom Zelensky, għadhom opportunità li jwaqqfu t-tixrid tad-demm u jerġgħu lura għan-normalità bil-mod il-mod. It-theddida li r-Russja trid terġa’ tieħu taħt idejha Kyiv jew/u xi territorji oħra fl-Ukrajna tneħħiet hekk kif il-Kremlin reġa’ saħaq li m’għandu ebda intenzjoni li jagħmel dan. Fil-fatt, fil-lista tal-kundizzjonijiet għall-waqfien mill-ġlied, din m’hija mitluba mkien.

“Mhux veru li rridu nokkupaw territorji Ukreni”

Ir-Russja attakkat lill-Ukrajna mit-Tramuntana, mil-Lvant u min-Nofsinhar tal-pajjiż fuq Kyiv, Kharkiv u fil-port ta’ Mariupol. L-invażjoni bdiet nhar l-24 ta’ Frar u kkawżat l-agħar kriżi ta’ refuġjati fl-Ewropa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Din l-invażjoni wasslet għal rabja u kundanni mill-bqija tal-komunità internazzjonali li bħala ritaljazzjoni ġew imposti sanzjonijiet ħorox fuq Moska.

Il-kelliem tal-Kremlin qiegħed jinsisti li r-Russja mhiex tipprova tieħu aktar territorju fl-Ukrajna u qal li “mhux veru” li qegħdin nitolbu lura Kyiv. “Aħna fil-verità qegħdin nagħmlu d-demilitarizzazzjoni tal-Ukrajna u hemm se naslu. Il-punt ewlieni huwa li l-Ukrajna għandha twaqqaf l-azzjoni militari tagħha. Għandhom iwaqqfu l-attivitajiet militari u mbagħad ħadd ma jkompli jispara,” kompla l-kelliem.

Peskov qal li l-kwistjoni tan-newtralità għandha ssir bħala emenda fil-kostituzzjoni li biha l-Ukajna tirrifjuta li tidħol f’xi blokk. Huwa żied jgħid li, “tkellimna wkoll dwar il-kwistjoni li għandhom jirrikonoxxu l-Crimea bħala parti mit-territorju Russu u li għandhom jirrikonoxxu Donetsk u Lugansk bħala stati indipendenti. Dak kollox! Hekk, kollox jieqaf minnufih”.

“Ir-Russja kellha wkoll tieħu azzjoni fid-dawl tat-theddida li ħasset min-NATO… ma kienux se jdumu wisq qabel ipoġġu missili fl-Ukrajna kif kienu għamlu fil-każ tal-Polonja u r-Rumanija” – kelliem tal-Kremlin

Ir-Russja tisħaq fuq in-newtralità tal-Ukrajna

It-talbiet tar-Russja ġew ippreżentati fit-taħdidiet bejn delegazzjonijiet mir-Russja u mill-Ukrajna. Dawn it-taħdidiet daħlu fit-tielet sessjonijiet tagħhom. Il-gwerra fl-Ukrajna bdiet immedjatament wara li l-President Putin irrikonoxxa żewġ reġjuni fl-Ukrajna li fihom hemm separatisti li jappoġġjaw lir-Russja. Dawn is-separatisti ilhom mill-2014 jiġġieldu lill-gvern Ukren iżda l-pass minn Putin il-pajjiżi tal-Punent jikkonsidrawh bħala wieħed illegali.

Peskov insista li dan il-pass ma sarx biex jieħdu Lugansk u Donetsk mill-Ukrajna. “Donetsk u Lugansk ma jridux ikunu parti mill-Ukrajna imma dan ma jfissirx li minħabba f’hekk għandhom jiġi meqruda,” spjega dan il-kelliem.

Huwa qal li rigward il-bqija, l-Ukrajna hija stat indipendenti bi dritt li jgħixu kif iridu basta jkun pajjiż newtrali. “Nittamaw li kollox imur b’wiċċ il-ġid u li jirrispondu lura bl-aħjar mod possibbli,” kompla Peskov. Huwa qal li r-Russja ma kellhiex triq oħra ħlief li tieħu azzjoni konkreta biex iġġiegħel lill-Ukrajna tneħħi l-armamenti għajr dik li tirrikonoxxi l-indipendenza taż-żewġ reġjuni inkwistjoni.

Il-kelliem tal-Kremlin qal li, “dan sar bil-għan li nipproteġu tliet miljuni ċittadini li jitkellmu r-Russu f’dawn ir-repubbliki li kienu mhedda minn 100,000 truppi Ukreni”. Sostna li ma setgħux biss jirrikonoxxuhom iżda kellhom ukoll jipproteġuhom minn armata ta’ 100,000 suldat li kienu fil-konfini ta’ Donestk u Lugansk. “Dawn setgħu jiġu attakkati minn ħin għall-ieħor minn suldati li l-ħin kollu, kienu qegħdin iġibu armi mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit”.

Min-naħa tagħhom l-Ukrajna ċaħdu l-allegazzjonijiet ta’ Moska, jiġifieri li kienu se jattakkaw bil-forza biex jieħdu lura reġjuni mmexxija minn separatisti. Peskov qal li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna waslet biex saret theddida akbar għar-Russja milli kellha fl-2014 meta r-Russja poġġiet 150,000 suldati mal-konfini tal-Ukrajna. Hawnhekk ukoll kien hemm biżgħa li r-Russja se tinvadi lill-Ukrajna iżda dan il-pajjiż kien illimita l-azzjoni militari tiegħu biss biex il-Crimea tingħaqad mar-Russja.

“Minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni għalina marret għall-agħar. Fl-2014 huma bdew jagħtu l-armamenti lill-Ukrajna u bdew jippreparaw l-armata għan-NATO ħalli jġibuhom fuq l-istess livell tan-NATO. L-aħħar daqqa għalina kienet it-theddida għal ħajjet tliet miljun persuna f’Donbass. Aħna fhimna li dawn se jkunu attakkati,” reġa’ tenn Peskov.

Huwa qal li r-Russja kellha wkoll tieħu azzjoni fid-dawl tat-theddida li ħasset min-NATO fejn sostna li, “ma kienux se jdumu wisq qabel ipoġġu missili fl-Ukrajna kif kienu għamlu fil-każ tal-Polonja u r-Rumanija”. 

Peskov temm jgħid li r-Russja ma setgħetx tkompli toqgħod siekta quddiem dan kollu u għaldaqstant ma kellhomx triq oħra ħlief dik li jieħdu azzjoni.

IT-TALBIET TAR-RUSSJA:

* Li l-Ukrajna tkun pajjiż newtrali;

* Demilitarizzazzjoni tal-Ukrajna;

* Rikonoxximent mill-Ukrajna li Crimea hija territorju Russu; u 

* Li l-Ukrajna taċċetta lil Donetsk u Lugansk huma stati indipendenti.

Ekonomija

Sport