Minn wara li invadiet l-Ukrajna fi Frar tas-sena l-oħra, ir-Russja kompliet saret pajjiż tas-sorpriżi, b’ħafna min-nies, partikularment dawk f’Moska, skantati dwar dak kollu li qed jiġri b’xenarju jinbidel ta’ sikwit.
Ftit ilu, in-nies kienu xxukkjati wara li drones attakkaw iċ-ċentru ta’ Moska f’diversi okkażjonijiet, u kkawżaw splużjonijiet u ħsarat fil-bini.
Imbagħad, il-munita Russa, ir-rublu Russu ħa daqqa l-isfel li ma kinitx mistennija bir-rata ta’ kambju ta’ aktar minn 100 rublu għal kull dollaru Amerikan.
Ma’ dawn, hemm ukoll il-missjoni spazjali falluta lejn il-Qamar, il-‘Luna-25’ li tfarrak hekk kif ħabat ma’ wiċċ il-qamar il-ġimgħa li għaddiet.
Iżda issa ħarġet l-aħbar li l-ajruplan li fuqu kien hemm Yevgeny Prigozhin, il-kap tal-grupp merċenarju Russu, Wagner, sploda f’ballun tan-nar fir-Reġjun Russu ta’ Tver. Ħafna nies qed jassumu li Prigozhin imqatel f’dan il-kraxx iżda ma kinux ixxukkjati. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tar-Russi x’aktarx kienu sorpriżi li dan ma ġarax qabel.
L-ispekulazzjoni kienet ilha ddur għal ġimgħat sħaħ fir-Russja dwar eżattament x’destin kien qed jistenna lil Yevgeny Prigozhin wara li eżattament xahrejn ilu, il-kap ta’ Wagner nieda l-ammutinament qasir bis-suldati tiegħu fuq Moska.
Il-merċenarji dakinhar ħatfu belt kbira Russa u saħansitra mxew lejn Moska. Wara li r-ribelljoni ġiet imwaqqfa, ħafna ħasbu li l-ġranet ta’ Prigozhin kienu magħduda. Wara kollox, l-ammutinament kien umiljazzjoni sinifikanti għall-Kremlin, u l-President Putin mhuwiex it-tip ta’ persuna li jaħfer u jinsa.
Madwar siegħa wara l-kraxx tal-ajruplan, l-Aġenzija Federali Russa tal-Avjazzjoni Rosaviatsiya ħarġet stqarrija li tikkonferma li isem Yevgeny Prigozhin kien fil-lista tal-passiġġieri.
L-istazzjon televiżiv tal-istat Russu qed iżommu ir-rappurtaġġ tal-inċident minimu kemm jista’ u jikkwota uffiċjali tal-gvern mingħajr ebda kumment. Fil-bullettin tal-aħbarijiet prinċipali tiegħu ta’ filgħaxija, Channel One, ikkontrollat mill-Kremlin, iddedika 30 sekonda biss għall-istorja.
Huwa fatt magħruf fir-Russja li l-istazzjonijiet tat-TV tal-istat ħafna drabi jistennew sakemm jirċievu struzzjonijiet uffiċjali dwar it-ton tar-rappurtaġġ.
Il-merċenarji tal-grupp Wagner sostnew li Prigozhin “inqatel… minn tradituri tar-Russja”. Ritratti fuq il-midja Russa juru nies iġibu fjuri u jqegħdu xemgħat fil-Kwartieri Ġnerali ta’ Wagner fil-belt ta’ San Pietruburgu,
L-attenzjoni issa qed iddur fuq dak li ġara abbord it-titjira. Skont il-midja Russa, l-investigaturi qed ifittxu numru ta’ kawżi possibbli, inklużi “azzjonijiet esterni”.
F’kumment dwar l-inċident, l-analista politika Tatiana Stanovaya qalet li l-kawża tat-tiġrif tal-ajruplan mhix importanti – aktar sinifikanti huwa l-messaġġ lil kwalunkwe attentat ta’ ammutinament potenzjali ieħor.
Kulħadd se jara dan l-inċident bħala att ta ritaljazzjoni u tpattija. Mill-perspettiva ta’ Putin kif ukoll ħafna fost l-uffiċjali tas-sigurtà u militari, il-mewt ta’ Prigozhin għandha sservi bħala lezzjoni.