Saturday, December 21, 2024

Ir-Russja qiegħda tipprova ġġiegħel lil Mariupol iċċedi bil-ġuħ

Aqra wkoll

Membru Parlamentari Ukrejn akkuża lir-Russja li qiegħda tipprova tisforza lir-residenti tal-belt Mariupol biex iċedu u qiegħda tagħmel dan billi ġġegħelhom ibatu l-ġuħ.

Dmytro Gurin qal dan ftit wara li l-Ukrajna ma aċċettatx l-ultimatum tar-Russi biex dawn iċedu l-armi u r-residenti jingħataw passaġġ sigur ’il barra mill-belt. Mariupol – belt port – hija waħda strateġika u ilha ġimgħat fil-mira tal-militar Russu. Hu mifhum li ġewwa din il-belt hemm 300,000 persuna li għadhom maqbudin u dawn ma’ kull jum li għaddi qed isofru minn nuqqas ta’ provvisti hekk kif l-armata Russa mhix qiegħda tħalli l-għajnuna tidħol ġewwa din il-belt. Ir-residenti ta’ din il-belt ilhom jiem sħaħ jesperjenzaw bumbardamenti min-naħa tar-Russi u dawn la għandhom provvisti elettriku u lanqas ilma.

F’kumment li għamel, Gurin qal li r-Russi ma fetħux kurituri umani, u lanqas qed iħallu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-belt. Huwa qal li l-għan tar-Russi hu li joħolqu ġuħ kbir fil-belt biex jisforzaw proċess diplomatiku. Huwa tenna li l-belt mhix se ċċedi għall-pressjoni Russa. Ir-Russja kienet tat ultimatum biex din il-belt iċċedi, iżda l-Ukreni ma aċċettawx dan. 

Jekk ir-Russja jirnexxilha tieħu l-kontroll ta’ Mariupol, dan ikun stumentali biex jinħoloq passaġġ bejn ir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhanks – li huma kkontrollati mis-separatisti Russu – u l-Krimea. S’issa d-difensuri ta’ Mariupol qed iżommu sod.

Ekonomija

Sport