Tuesday, May 14, 2024

Ir-Russja terġa’ tibda tagħti l-gass lill-Ewropa wara waqfa ta’ għaxart ijiem

Aqra wkoll

Ir-Russja reġgħet bdiet tipprovdi l-gass lejn l-Ewropa permezz tal-ikbar pipline, Nord Stream 1, wara waqfa ta’ għaxart ijiem minħabba tiswijiet. S’issa iżda jidher li l-provvista hija ferm inqas minn dik li s-soltu kienet tkun provduta.

Matul dan il-perjodu ta’ waqfa kien hemm biża’ li r-Russja mhix se tkompli tipprovdi gass lill-Unjoni Ewropea u dan minħabba s-sanzjonijiet b’rabta mal-gwerra ġewwa l-Ukrajna. Fid-dawl ta’ dan, ilbieraħ il-Kummissjoni Ewropea kienet ħeġġet lill-istati membri biex inaqqsu l-użu tal-gass Russu bi 15% fuq is-seba’ xhur li ġejjin u dan f’każ li r-Russja tieqaf tipprovdi l-provvista. 

Il-provvista tal-gass mir-Russ­ja lejn l-Ewropa hija importanti ħafna tant li s-sena li għaddiet Moska pproviet xejn inqas minn 40% tal-gass. Fl-2020, il-Ġermanja kien l-iktar pajjiż li importa gass, iżda f’dawn l-aħħar xhur naqqas id-dipendenza minn 55% għal 35%. Dan il-pajjiż qiegħed jimmira li eventwalment iwaqqaf l-użu tal-gass ġej mir-Russja. 

Min-naħa tiegħu l-President Russu Vladimir Putin kien ċaħad l-għajdut li se jwaqqaf il-provvista tal-gass, u hu kien qal li l-kumpanija statali Gazprom se tkun qiegħda tonora l-obbligazz­jonijiet kuntrattwali. 

Sport