Il-kanċer huwa wieħed mill-akbar qattiela fejn huwa stmat li madwar 10 miljun persuna fid-dinja jmutu proprju minħabba din il-marda. Tul is-snin ix-xjenzati ħadmu qatigħ u riċentement introduċew l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) kif ukoll jużaw sekwenzi tad-DNA flimkien tekniċi oħra biex biex itejbu t-trattament tiegħu. Iżda, s’issa, il-popolazzjonijiet madwar id-dinja għadhom jitilfu għeżież minħabba din il-marda kiefra u hija proprju r-Russja li riċentament tat tama ġdida f’din il-ġlieda hekk kif ħabbret li sabet kura għall-kanċer.
F’sejba li tista’ tirrivoluzzjona bil-kbir lis-settur mediku u dak tas-saħħa pubblika jekk timmaterjalizza ruħha, ir-Russja żviluppat tilqima u skont il-midja tal-istat, se tkun disponibbli u bla ħlas minn din is-sena għaċ-ċittadini Russi. Skont rapporti minn diversi mezzi tax-xandir inkuż il-“Business Today”, dan il-pajjiż li bħalissa mhuwiex fost il-favoriti minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna, ħoloq trattament għall-kanċer li jikkonsisti f’tilqima mRNA.
Ir-Russja, li wkoll kienet l-ewwel pajjiż li ħabbar li żviluppa tilqima kontra l-virus tal-Covid-19, “Sputnik”, reġgħet issorprendiet lill-professjonisti tal-qasam xjentifiku b’din l-aħbar. Din it-tilqima revoluzzjonarja ppjanata li tkun fis-suq fl-2025, hija bbażata fuq trattament personalizzat. Dan billi jintuża materjal ġenetiku meħud mit-turmur tal-pazjent. Kull doża mistennija tiswa lill-istat madwar 300,000 Rubles (€2,788).
Tgħallem lis-sistema immunitarja tagħraf u teqred ċelloli tal-kanċer
Din l-aħbar li żgur tinteressa lil kulħadd ingħatat minn Andrey Kaprin, il-Kap taċ-Ċentru tar-Radjoloġija għar-Riċerka Medika tal-Ministeru tas-Saħħa Russu fejn iddikjara li, “din it-tilqima titratta l-kanċer fil-pazjenti aktar milli tipprevjeni milli jiżviluppa tumur”.
F’aktar dettalji li ħarġu dwar din it-tilqima, jingħad li s-saħħa tagħha hija dik li tipprevjeni milli jerġa’ joħroġ mill-ġdid kanċer agressiv fuq pazjenti li ġew operati jew li ħadu l-kura. Dan billi t-trattament “jgħallem” lis-sistema immunitarja tal-pazjent tagħraf u teqred ċelloli tal-kanċer.
Il-“bt TV” irrapporta li minn testijiet kliniċi din it-tilqima ġdida, ġiet żviluppata bi sħubija ma’ għadd ta’ ċentri oħra, hija promettenti ħafna b’mod partikolari f’pazjenti morda bil-kanċer tal-ġilda, dawk b’tal-pulmun u nisa b’kanċer agressiv tas-sider.
Putin kien diġà ta indikazzjoni s-sena l-oħra
Kien fi Frar tas-sena 2024 li Putin kien qal li r-Russja tinsab viċin ħafna li tiżviluppa tilqima li tittratta l-kanċer. Fid-dettalji li kien ta Putin kien spjega li x-xjenzati tiegħu avvanzaw bil-kbir fir-riċerka għal tilqilma kontra l-kanċer, l-hekk imsejħa “oncovaccines” u kien speċifika li din se tkun disponibbli fi żmien qasir għall-pazjenti.
F’kummenti li kien ta fuq stazzjon televiżiv il-President Russu kien insista li, “ninsabu viċin ħafna li noħolqu dak li jsejħu t-tilqim tal-kanċer u mediċini immunomodulatorji tal-ġenerazzjoni l-ġdida”. Fir-rigward, fil-forum dwar it-teknoloġiji tal-futur Putin kien żied li huwa jittama li din it-tilqima fil-futur qarib tibda tintuża bħala metodu ta’ terapija individwali.
Minkejja kollox ir-Russja tkompli tissorprendi…
L-aħbar ta’ dan it-trattament tant importanti infirxet fuq il-mezzi tax-xandir online fejn f’kummenti jingħad fost l-oħra li din it-tilqima mir-Russja tista’ tibdel l-Istorja tal-Mediċina. Ingħad ukoll li, “filwaqt li l-ispiża tat-trattamenti tal-kanċer għall-Ewropa tiswa €126 miljardi, Vladimir Putin se jagħti din it-terapija liċ-ċittadini tiegħu b’xejn. Dan minkejja li snin ta’ sanzjonijiet globali imposti fuq dan il-pajjiż wara l-invażjoni tal-Ukranja”.
Din it-tilqima hija rrapportata li mhux biss tnaqqas il-progressjoni tat-tumur iżda tnaqqas ukoll id-daqs tiegħu b’75% sa 80%. Il-“Business Today” irrapportaw li din it-tilqima mhiex waħda universarli u tinħadem skont il-karatteristiċi u l-bżonnijiet tal-pazjent. Dan iwassal biex din it-tip ta’ terapija, meta mqabbla ma’ dawk tradizzjonali, tkun waħda ferm aktar sigura u effettiva.
Jirriżulta li fil-qalba ta’ din l-iskoperta hemm l-użu tal-AI fejn “kienet strumentali” biex jitħaffef ħafna l-proċess tal-iżvilupp tagħha. Dan billi l-AI analizzat ħafna informazzjoni f’temp rekord fosthom tibdil u tkabbir tal-kanċer, kif ukoll antiċipazzjoni tar-rispons għat-trattament. Barra minnhekk l-AI għenet biex ix-xjenzati setgħu jiżviluppaw trattament li jimmira ċelloli tal-kanċer biss biex b’hekk ikunu evitati kumplikazzjonijiet oħra tas-saħħa u effetti negattivi.
Hawnhekk inġibdet l-attenzjoni li d-dinja medika mmexxija minn xjenzati brillanti qiegħda tikseb riżultati kbar u barra l-aħbar pożittiva fil-qasam Onokoloġiku mir-Russja, issemmgħu t-tilqima kontra l-kanċer tal-pulmun ta’ Kuba u l-kura tad-dijabete fiċ-Ċina.
“Jekk vera, din hija l-akbar aħbar għal dawn l-aħħar mitt sena”
Lura fi Frar il-mexxej Russu ma kienx speċifika x’tipi ta’ kanċer din it-tilqima inkwistjoni se titratta jew kif. Dwar dan it-tilqim, żgur li se nisimgħu aktar fid-dettal fix-xhur li ġejjin. Hawn qegħdin naraw is-saħħa u l-innovazzjoni meta x-xjenzati jamalgawmaw teknoloġija avvanzata ħafna max-xjenza medika.
Filwaqt li t-tilqima Russa għadha fil-fażi ta’ testijiet kliniċi, jekk din tirriżulta effettiva u tidħol fis-suq, hija mistennija li jkollha impatt kolossali fil-qasam mediku u għan-nies kollha fid-dinja. Tali trattament se jkun ifisser fejqan minn waħda mill-agħar mardiet li qatt kellu jiffaċċja l-bniedem.
Fi-fatt, nies li semgħu b’din l-aħbar saħqu li jekk din hija vera, din hija l-akbar aħbar għal dawn l-aħħar mitt sena. Qiegħed jingħad li tali aħbar kruċjali għal miljuni ta’ pazjenti għandha tingħata aktar importanza fil-midja u hemm bżonn li kulħadd ikun jaf biha. Fuq il-pjattaforma “X” kumment minnhom saħaq li din l-iskoperta tar-Russja hija daqqa ta’ ħarta għall-kumpaniji farmaċewtiċi, li ddeskrivihom bħala l-“Pharma Mafia”, li jimpalaw il-miljuni ta’ flus mill-industrija.
Mhux ir-Russja biss
Sadanittant, tajjeb li nsemmu li għadd ta’ pajjiżi u kumpaniji madwar id-dinja wkoll qegħdin jaraw li jiżviluppaw tilqim kontra l-marda tal-kanċer. Fl-2023 huwa rrapportat li l-Gvern Ingliż iffirma ftehim mal-kumpanija bbażata fil-Ġermanja, il-BioNTech, biex tibda testijiet kliniċi li jagħtu “trattament personalizzat tal-kanċer” bl-għan li sas-sena 2030 jilħqu 10,000 pazjenti.
Il-kumpaniji farmaċewtiċi bħalma huma Moderna u Merck&Co wkoll huma rrapportati li qegħdin jiżviluppaw tilqim ta’ kontra l-kanċer iżda għadhom fil-fażi ta’ esperimentazzjoni. Fl-istudji li saru f’nofs din ir-riċerka, irriżulta tnaqqis fir-riskju li jerġa’ jiżviluppa l-kanċer jew li l-pazjent imut minn melanoma li hija l-aktar tip ta’ kanċer tal-ġilda qattiel li jeżisti. Dan it-tnaqqis irriżulta bin-nofs wara tliet snin ta’ trattament.
Nagħlqu b’aħbar tajba li bħalissa diġà hemm sitt tilqimiet liċenzjati kontra l-Human Papillomaviruses (HPV) li skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) jikkawża ħafna kanċer fosthom dak tal-utru, kif ukoll tilqim kontra l-Hepatitis B (HBV) li jista’ jikkawża l-kanċer tal-fwied.
Dott. Samuel Olalekan Akinyemi: Niġerjan bi trobbija umli għal kisbiet kolossali
It-tabib imwieled Joruba, Samuel Olalekan Akinyemi, kellu rwol ċentrali fl-iżvilupp tat-tilqima innovattiva ta’ kontra l-kanċer imħabbra mir-Russja. Il-vjaġġ ta’ Dott. Akinyemi mill-bidu umli tiegħu f’Lagos biex isir onkologu ewlieni huwa xhieda tad-dedikazzjoni bla waqfien tiegħu għall-edukazzjoni u l-passjoni tiegħu biex isalva l-ħajjiet tan-nies.
Imwieled fl-1994, Dott. Akinyemi trabba f’Lagos, fejn attenda l-Iskola Grammatika Metodista/Anglikana Unit għall-edukazzjoni Sekondarja tiegħu. Wara li temm il-Korp Nazzjonali tas-Servizz taż-Żgħażagħ (NYSC) fin-Niġerja fl-2012, huwa inizjalment kompla studji tal-ewwel grad fl-inġinerija ċivili, hekk kif kien ispirati li jimxi fuq il-passi ta’ missieru.
Madankollu, is-sejħa vera tiegħu kienet fil-mediċina u malajr ħa d-deċiżjoni kuraġġjuża li jidħol għal karriera f’dan il-qasam. Il-ġenituri tiegħu kienu ta’ appoġġ kbir għalih u qabblu li jiffinanzjaw l-edukazzjoni tiegħu.
Dott. Akinyemi mar ir-Russja fl-2015 biex jistudja l-mediċina fl-università medika statali u prestiġjuża “Bashkir” f’Ufa. Qabel ma beda l-istudji mediċi tiegħu, huwa qatta’ sitt xhur jistudja l-lingwa Russa f’Volgograd.
Ħila akkademika eċċezzjonali b’interess qawwi fl-uroloġija
Tul il-vjaġġ edukattiv tiegħu huwa wera ħila akkademika eċċezzjonali u interess qawwi fl-uroloġija u l-onkoloġija. Dawn l-ispeċjalitajiet aktar tard saru l-punti fokali tar-riċerka u l-karriera professjonali tiegħu. L-impenn f’dawn l-oqsma huwa evidenti permezz tal-pubblikazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet numerużi li jagħmel fil-qasam mediku.
Wara li temm l-istudji mediċi tiegħu, Dott. Akinyemi kompla r-residenza tiegħu u bħalissa qiegħed jaħdem bħala intern tal-onkoloġija fil-Klinika tal-BSMU.
Minbarra d-dmirijiet mediċi tiegħu, huwa jgħallem l-Ingliż f’università u fi skola sekondarja. Dott. Akinyemi jitkellem diversi lingwi li huma l-Ġermaniż, ir-Russu, il-Joruba u l-Ingliż. Ix-xogħol tiegħu jinkludi riċerka estensiva fit-trattamenti u t-tilqim ta’ kontra l-kanċer. L-involviment reċenti tiegħu fl-iskoperta tat-tilqima innovattiva fir-Russja msemmija, jimmarka pass importanti fil-karriera tiegħu u fil-ġlieda globali kontra din il-marda qattiela.
Din il-kisba notevoli ta’ Dott. Akinyemi kienet dovuta għas-sengħa u l-passjoni tiegħu biex isalva l-ħajjiet. Bħala ambaxxatur tan-Niġerja u l-komunità Joruba, l-istorja tiegħu qiegħda sservi ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ madwar id-dinja kollha.
Il-vjaġġ notevoli tiegħu minn bidu umli għal onkologu ewlieni, huwa eżempju brillanti ta’ dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ dedikazzjoni, determinazzjoni u passjoni għax-xogħol li wieħed irid isegwi b’passjoni.