Wednesday, March 27, 2024

Ir-Russja thedded lil Lithuania li se tieħu azzjoni militari kontriha

Aqra wkoll

Moska heddet lil Lithuania li tieħu azzjoni militari kontriha wara li l-Lithuania mblukkat il-provvista ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-lista ta’ sanzjonijiet maħruġa mill-Unjoni Ewropea, milli jaslu f’Kaliningrad – belt Russa.

Kaliningrad qiegħda fuq il-fruntiera mal-Lithuania u l-Polonja u hija maqtugħa mill-kumplament tar-Russja, u normalment il-merkanzija tasal f’Kaliningrad permezz tal-ferrovija li titlaq mill-Belarus u l-Lithuania.

Fis-sigħat li għaddew, uffiċjal mara tad-Dwana tal-Lithuania qalet li dawn is-sanzjonijiet, li daħlu fis-seħħ f’nofs dan ix-xahar, huma parti mir-raba’ pakkett ta’ sanzjonijiet li l-Unjoni Ewropea imponiet fuq ir-Russja fil-15 ta’ Marzu li għadda.

L-istess uffiċjal spjegat li: “It-trasportazzjoni tal-merkanzija bejn Kaliningrad u partijiet oħra tar-Russja mhix projbita jew imblukkata. Il-prodotti li ma jaqgħux taħt il-lista ta’ sanzjonijiet jistgħu jiġu esportati b’mod liberu”. Dan ifisser li prodotti bħall-azzar ma jistgħux jiġi esportati mir-Russja lejn territorji ta’ pajjiżi Ewropej.

L-uffiċjal kompliet tgħid li mill-10 ta’ Lulju li ġej, sanzjonijiet simili se jidħlu fis-seħħ fuq merkanzija li għandha x’taqsam mal-konkos u mal-alkoħol, filwaqt li mill-10 ta’ Awwissu se jiġu implimentati wkoll sanzjonijiet fuq il-faħam u minn Diċembru ż-żejt mir-Russja se jkun ipprojbit fit-territorji tal-pajjiżi Ewropej.

Minkejja li r-Russja tista’ tesporta l-provvista tagħha lejn Kaliningrad permezz tal-baħar, hija xorta waħda talbet lil Lithuania biex twaqqaf il-projbizzjoni tagħha għall-esportazzjoni lejn Kaliningrad; saħansitra r-Russja waslet biex heddet lil Lithuania li jekk il-linji tat-trasport ma jerġgħux lura għal li kienu, “Ir-Russja għandha dritt li tieħu azzjoni biex tiddefendi linteressi ta’ pajjiżha”.

Il-Lithuania hija membru fi ħdan in-NATO. Għalhekk, attakk fuq il-Lithuania jkun ifisser attakk fuq l-alleanza militari nnifisha.

Ekonomija

Sport