Saturday, December 21, 2024

Ir-Russja tirreserva d-dritt li tuża armi nukleari

L-Ukrajna xorta waħda tattakka b’missili tal-Punent minkejja twissija inkwetanti ta’ ritaljazzjoni mill-Kremlin

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-periklu ta’ eskalazzjoni gravi li tista’ tirriżulta fit-Tielet Gwerra Dinjija issa żdied hekk kif wara li l-Kremlin ilbieraħ ħareġ twissija serja ta’ użu ta’ armi nukleari jekk l-Ukrajna tolqot miri fil-qalba tar-Russja b’missili mogħtija minn pajjiżi tal-Punent, l-Ukrajna għamlet proprju dan.

Fil-fatt, l-Ukrajna mmarkat l-1,000 jum mill-invażjoni Russa bl-ewwel attakk tagħha f’territorju Russu b’missili li jwasslu fit-tul mogħtija mill-Istati Uniti. Dan kien iddikjarat minn uffiċjali tal-militar Ukreni lbieraħ ftit siegħat wara t-twissija tal-Kremlin fejn mill-informazzjoni mogħtija seħħet splużjoni kbira f’Karachev fir-Russja fir-reġjun ta’ Bryansk.

Il-borma ilha tbaqbaq iżda f’dawn il-ġranet l-amministrazzjoni ta’ Biden, li tinsab fl-aħħar xhur ta’ poter, approvat li jintużaw dawn it-tip ta’ missili fil-konfront tar-Russja. Putin kien diġà tkellem fir-rigward fejn sostna li jekk din iseħħ, tkun mossa perikoluża b’riperkussjonijiet gravi ħafna.

Dan ix-xenarju tal-biża’ ta’ tali attakk nukleari b’ritaljazzjoni mir-Russja huwa ta’ periklu għall-istabbilità dinjija u aktar ma jgħaddi ż-żmien, minflok jikkalmaw l-affarijiet, aktar qegħdin isiru serji. Dan il-“permess” mill-Gvern Amerikan ta’ Biden ingħata wara li l-istess Biden tilef l-elezzjoni Presidenzjali kontra Trump.

Trump li min-naħa tiegħu fil-kampanja elettorali kien diġà wiegħed li jtemm il-gwerra fl-Ukrajna. Hawn qegħdin naraw kif Biden ħa din id-deċiżjoni perikoluża qabel ma Trump kellu ċ-ċans li jipprova jżomm din il-wegħda li ilna s-snin nittamaw għaliha – il-paċi.

Din l-aħħar aħbar inkwetanti ta’ użu ta’ armi nukleari mir-Russja ħarġet mill-qalba tal-Kremlin mis-Segretarju tal-midja Russa, Dmitry Peskov huwa u jitkellem mal-ġurnalisti. Ir-rapport minn “TASS” ikkwotah jgħid li, “il-Federazzjoni Russa tirriserva d-dritt li tuża armi nukleari f’każ ta’ agressjoni b’użu ta’ armi konvenzjonali kontriha”. 

Putin approva strateġija nukleari ġdida…

Din l-istqarrija ngħatat wara li l-President Russu Putin approva strateġija nukleari ġdida li tippermetti lill-forzi militari tiegħu jisparaw armi nukleari jekk territorju Russu huwa mhedded min-nazzjon li m’għandux armi nukleari iżda għandu s-sostenn ta’ potenza nukleari. 

Skont l-istess rapport, theddid li għat-tmexxija Russa jistgħu jikkonsidraw bħala attakk nukleari jinkludu aggressjoni b’missili konvenzjonali, drones u ajruplani oħra. Attakk mill-Ukrajna fuq territorju Russu b’missili mogħtija mill-Istati Uniti jaqgħu f’dawn il-kriterji.

Sadanittant, malli tħabbret id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ta’ Biden li lill-Ukrajna tista’ tuża missili li jilħqu distanzi twal biex jattakkaw lir-Russja, l-istazzjon statali Russu wkoll xandar theddid ta’ attakk nukleari fuq ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Tgħaffiġa ta’ Biden?

… F’periklu r-Renju Unit u Franza wkoll

Uffiċjali għolja fil-Kremlin jinsabu rrabjati ħafna dwar il-pass ta’ Biden. Fl-istess ħin l-amministrazzjoni Russa qiegħda tissuspetta li r-Renju Unit u Franza wkoll se jagħtu l-istess permess lill-Ukrajna biex jużaw missili tat-tip “Storm Shadow” u “SCALP”. Suspett li għadu ma ġiex ikkonfermat mill-pajjiżi kkonċernati.

Ir-Russja qiegħda tisħaq li attakk fit-territorju tagħha b’armi tal-Punent hija sfida diretta lejn Putin li timplika li l-Punent beda gwerra magħhom. Dan bl-argument li l-Ukrajna m’għandhiex il-kapaċitajiet ta’ missili sofistikati biex tattakka lir-Russja mingħajr l-assistenza tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit u ta’ Franza.

Ta’ min jikkowta wkoll kliem il-ġeneral tal-armata tar-riserva, Andrey Gurulev li min-naħa tiegħu qal fil-miftuħ li diġà għandhom miri fuq ir-Renju Unit, l-ewwel pajjiż li lesti jattakkaw f’din l-eventwalità. Fuq it-televiżjoni huwa ddikjara li l-Punent huwa mbeżża’ mill-armi nukleari hipersoniċi ta’ Putin u żied li, “nassigurakom li mhux se jkun hemm konsegwenzi għar-Russja. L-armi tar-Russja, mija fil-mija, iwaqqfu kemm lil Biden kif ukoll lil Trump milli jużaw armi nukleari kontra r-Russja”.

“Attakk fuq ir-Russja huwa attakk suwiċida”

Gurulev iddikjara wkoll li jekk xi ħadd qiegħed jikkontempla li jispara missili tat-tip ATACMS, SCALP u Storm, “essenzjalment ma jifdal xejn mill-Amerika. Ma jkun hemm ebda Biden jew Trump u l-poplu Amerikan jaf dan sew”.

Sadanittant waqt id-dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rappreżentant permanenti ta’ Putin għall-UN, Vasily Nebenzya qal li l-użu ta’ missili mill-Punent fir-Russja huma “attakki suwiċida”. Hawn wissa lir-Renju Uniti u lil Franza biex jerġgħu jikkonsidraw il-pożizzjoni tagħħhom.

L-istess Nebenzya ġibed l-attenzjoni li f’dan l-istadju Joe Biden m’għandu xejn x’jitlef issa li tilef l-elezzjoni Presidenzjali. Mentri, sostna li s-sitwazzjoni għar-Renju Unit u Franza hija differenti. Qal li dawn iż-żewġ pajjiżi fil-kontinent tagħna “qegħdin jgħaġġlu b’għajnejhom magħluqa biex jikkupjaw u jagħtu sostenn lill-amministrazzjoni uxxenti Amerikana. Dawn mhux biss qegħdin jinvolvu lilhom infushom iżda lill-Ewropa kollha għal konsegwenzi serji estremi ta’ attakk”.

Hawn huwa temm jisħaq li, “huwa proprju dwar dan ix-xenarju li l-eks imsieħba tal-Punent għandhom jaħsbu fuqu qabel ma jkun tard wisq”.

Ċittadini Svediżi u Fillandiżi ppreparati b’fuljett informattiv f’każ ta’ gwerra…

Quddiem dan ix-xenarju instabbli l-Isvezja u l-Filandja qalu lil miljuni ta’ ċittadini kif għandhom jippreparaw ruħhom f’każ ta’ gwerra jew kriżi. Dawn saħansitra ppubblikaw fuljett b’linji gwida biex isegwuhom f’każ ta’ attakk nukleari. 

L-aġenzija ta’ kontiġenza Svediża fil-fuljett informattiv inkludiet tagħrif dwar xelters, preparamenti fid-dar, saħħa u difiża psikoloġika, sigurtà diġitali, attakki terroristiċi, tixrid ta’ mard u temp estrem. 

Il-gvern Svediż fir-rigward qal li l-linji gwida ġew ippubblikati wara li “f’dawn l-aħħar snin l-istat dinji ggrava drastikament” b’referenza għall-gwerra fl-Ukrajna.

Ekonomija

Sport