Friday, April 26, 2024

Ir-Russja twissi lil dawk il-pajjiżi li jridu jkeċċuha mill-UNHRC

Aqra wkoll

Ir-Russja wissiet lil dawk il-pajjiżi li qed jippruvaw iqaċċtuha ’l barra mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda (UNHRC) illi se tqis dan l-atteġġjament bħala “ġest ostili”.

L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda se tkun qed tieħu vot f’dawn il-jiem li ġejjin, li permezz tiegħu se tiddetermina jekk ir-Russja għandhiex titkeċċa mill-Kunsill. Il-Kunsill bħalissa huwa ffurmat minn 47 pajjiż.

Dan se jkun qed isir fid-dawl tar-rapporti li nxterdu matul dawn l-aħħar ftit jiem fejn urew l-atroċitajiet li kkommettew il-forzi Russi f’dawk iż-żoni li okkupaw fl-Ukrajna. Il-miżura fil-konfront tar-Russja ġiet introdotta mill-Amerka, abbażi tal-evidenza li nstabet rigward il-qtil tar-residenti f’Bucha.

F’kumment li ta lil ġurnal barrani, ir-Rappreżentant Russu fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, Gennady Gatilov, huwa argumenta li “Jekk tiġi adattota din ir-reżoluzzjoni, dan ifisser li l-pajjiżi tal-Punent se jkollhom il-libertà li jimponu l-kunċetti u l-viżjoni tagħhom tad-drittijiet umani li jogħġbu lilhom fuq il-pajjiżi l-oħra”. Barra minn hekk, huwa żied li din ir-reżoluzzjoni se tkun qed tinjora l-prinċipju tal-Universalità, prinċipju li suppost għandu jiġi mħaddan minn dan il-Kunsill.

Sabiex ir-Russja titkeċċa mill-Kunsill, jeħtieġ li jkun hemm qbil ta’ żewġ terzi favur din il-miżura.

Sport