Saturday, December 28, 2024

Ir-Russja u l-Ukrajna jakkużaw lil xulxin li qed jippreparaw li jużaw “dirty bombs”

Aqra wkoll

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Ener­­ġija Atomika fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-ispetturi tagħha żaru regolarment żewġ żoni ġewwa l-Ukrajna li jinsabu fiċ-ċentru tal-kunflitt wara allegazzjonijiet min-naħa tar-Russja li Kiev qiegħda tipprepara li tuża dik magħrufa bħala “dirty bomb”. 

Dirty bomba hija bomba konvenzjonali li iżda jkollha magħha materjal radjuattiv – bħall-uranju – li mbagħad xħin tisplodi dan jinfirex fl-arja. Dawn it-tip ta’ bombi ma jkollhomx bżonn materjal radju attiv li jkun rraffinat ħafna bħalma jintuża fil-bombi nukleari u għalhekk huma rħas biex tagħmilhom.

Id-Direttur Ġenerali tal-IAEA Rafael Grossi qal li fil-jiem li ġejjin l-ispetturi se jkunu qed jirritornaw f’dawn iż-żoni fuq talba tal-Ukrajna stess. Min-naħa tagħhom ir-Russu ma offrew l-ebda evidenza li tipprova dawn l-allegazzjonijiet, liema allegazzjonijiet mhux qed jiġu emmnuti min-NATO.

Min-naħa tiegħu l-President Ukren Volodymyr Zelensky wissa li hemm possibbiltà kbira li hija r-Russja stess li qiegħda tipprepara attakk ta’ din ix-xorta. Huwa qal li “jekk ir-Russja tgħid li l-Ukrajna qiegħda allegatament tħejji xi ħaġa, dan ifisser ħaġa waħda: li r-Russja diġà ppreparat dan kollu.”

L-IAEA qalet li fl-aħħar sigħat hija rċeviet stedina mill-Ukrajna biex tkun tista’ tivverifika l-attivitajiet li għaddiet f’dawn iż-żewġ żoni partikolari li ma ġewx identifikati mal-midja. Grossi qal li l-IAEA diġà spezzjonat dawn iż-żoni x-xahar li għadda u ma sabet l-ebda evidenza ta’ attività nukleari jew materjal ta’ din ix-xorta.

Waqt il-Laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà li sar Moska reġgħet irrepetiet din l-allegazzjoni fejn permezz ta’ ittra lis-Segretarju Ġenerali Antonio Guterres hija qalet li “se tqis l-użu ta’ dawn il-bombi minn Kiev bħala att ta’ terroriżmu nukleari.” L-ittra kompliet tgħid li, “il-Ministru tad-Difiża tagħna rċieva wkoll informazzjoni li din il-provokazzjoni tis­ta’ tkun qiegħda ssir bl-appoġġ tal-pajjiżi tal-Punent.”

L-allegazzjonijiet li saru mill-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu ġew miċħuda mill-Ukrajna u l-alleati tagħha u stqarrija konġunta maħruġa mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza kkundannat dawn l-allegazzjonijiet u qalet li dawn huma foloz. 

Ta’ min jgħid li l-uffiċjali tal-intelliġenza tal-Punent kienu ċari meta qalu li ma hemm l-ebda indikazzjoni li r-Russja qiegħda tipprepara li tuża dawn id-dirty bombs jew xi forom oħrajn ta’ bombi nukleari.

Ekonomija

Sport