Saturday, December 21, 2024

Ir-Russja u n-NATO jżommu sod fid-diskussjonijiet dwar l-Ukrajna

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-bieraħ ġewwa Brussell komplew għaddejjin id-diskussjonijiet bejn in-Nato u r-Russja dwar is-sitwazzjoni tal-Ukrajna. Dawn id-diskussjonijiet komplew f’arja ta’ pessimiżmu li qed tinħoloq minħabba pożizzjonijiet opposti sodi ħafna li qegħdin jieħdu Moska u l-Istati Uniti dwar it-tenjoni fil-Lvant tal-Ewropa. 

Fid-dawl taż-żieda tat-trup­pi Russi qrib il-fruntiera mal-Ukrajna, l-Istati Uniti ma aċċettatx it-talbiet li qiegħda tagħmel Moska biex in-NATO twaqqaf l-espansjoni tagħha u min-naħa tagħha r-Russja qalet li qiegħda tanalizza biex tara hekk hux vijabbli li dawn in-negozjati jkomplu. 

Fid-diskussjonijiet li saru bejn ir-Russja u l-Istati Uniti ġewwa Ġinevra nhar it-Tnejn li għadda, Moska insis­tiet li jkun hemm garanziji li jwaqqfu lin-NATO milli tkompli l-espansjoni tagħha lejn l-Ukrajna kif ukoll talbet biex ikun hemm it-tneħħija tat-truppi ta’ din l-alleanza mill-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa. Min-naħa tagħha l-Istati Uniti qalet li dan mhux aċċettabbli. L-Ambaxxatur tal-Istati Uniti Julianne Smith qalet li Washington mhix se tħalli lil ħadd ixekkel il-politika tan-NATO, li hija miftuħa għal kulħadd. Smith qalet li “l-ebda alleat fi ħdan in-NATO mhuwa lest li ninnegozja xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-politika miftuħa ta’ din l-alleanza.” Hija tenniet li fi ħdan din l-alleanza hemm għaqda totali. 

Min-naħa tiegħu, Dmitry Peskov li huwa kelliemi għall-Kremlin qal li d-dis­kussjonijiet ta’ Ġinevra kienu “diretti, komprensivi u mif­tuħa” iżda hu enfasizza li Moska trid riżultati immedjati. Huwa tenna mal-ġurnalisti li r-Russja mhix tara “raġunijiet sinjifikanti għal ottimiżmu”.  Peskov kompla jgħid li d-diskussjonijiet tal-bieraħ u dawk tal-lum ġewwa Vienna mal-OSCE se juru u jwasslu għad-deċiżjoni dwar jekk dawn in-negozjati għandhomx ikomplu. 

L-Istati Uniti qiegħda tikkalkula li r-Russja skjerat xejn inqas minn 100,000 suldat qrib il-fruntiera tagħha mal-Ukrajna, mossa li qiegħda tnissel tħassib ta’ invażjoni. 

Moska qalet li hija m’għandha l-ebda pjan li tattakka lir-Russja u ma aċċettatx it-talbiet ta’ Washington li tneħħi lil dawn is-suldati mill-fruntiera. 

Ekonomija

Sport