Wednesday, April 24, 2024

“Bżonn ta’ garanzija li jekk tħallas għal-lokali tingħata prodott lokali”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Matul iż-żmien ix-xogħol inbidel. Qabel kellna ħafna aktar tbatija. Minbarra dan ix-xogħol qabel kont ngħin lill-mara fil-ħanut tal-merċa li kellna. 

Dan ix-xogħol sfortunatament huwa parti minn proċess enormi li ftit huwa apprezzat.  L-akbar problema li hawn hija li l-materja prima qiegħda tibqa’ dejjem togħla u l-importazzjoni tal-prodott barrani qiegħda tkompli tnaqqar mill-qligħ ta’ dawn ir-raħħala li jien tant għandi rispett lejhom. Qas jista’ ma jkollix meta nara dik it-tbatija kollha. Barra minn hekk dejjem qlajt lira magħhom jiena kemm ilni naħdem dan ix-xogħol.

Periklu fix-xogħol? Kemm ilni waqajt ksirt sitt kustilji u domt tliet xhur biex bdejt nirkupra imma llum nirringrazzja lil Bambin li nista’ nkompli naħdem. Tista’ tkun fuq it-trakk jaqbdek ir-riħ u jwaddbek għal isfel.

Missieri kien dejjem bil-ħanut u konna ntellgħu x-xogħol għall-ħanut tagħna u kulħadd beda jgħid lilna biex intellugħlu l-ixkejjer.  Madwar 30 sena ilu bdew deħlin is-silos u t-tqandil tal-ixkejjer naqas. Xorta waħda għandi klijenti li jew minħabba nuqqas ta’ aċċess jew raġunijiet oħra jagħżlu l-ixkejjer u dan mhux nitkellmu fuq xkora jew tnejn imma tunnellati ta’ ġwież.

Il-pandemija wasslet għal ċertu biża’ imma jiena nifhimha li jekk aħna ma sifirnix huma ma ġewx u b’hekk anke bejnietna aħna kapaċi ndawru r-rota tajjeb. 

S’issa kulħadd għadu għaddej, imma naqset il-produzzjoni, kull raħħal għandu kwota u llum impossibbli żżomm bhejjem b’delizzju. Jekk raħħal irabbi għaxar għoġġiela u qiegħed ikollu bejgħ ta’ erbgħa għalxejn jibqa’ jipprova jrabbi għaxra. Min irabbi n-nagħaġ jekk dawn ma jagħmlux ħalib problema, min irabbi l-majjal jekk jaqbeż ċertu piz jibda nieżel fil-klassifikazzjoni tal-prodott u jispiċċa jitlef minflok jaqla’. Kontra qalbi ngħidlek li sas-sena d-dieħla hawn numru ta’ raħħala li kulma qiegħed iżommhom huwa l-kwota sakemm din tiġi trasferita fuq bniedem ieħor li ħa ngħiduha kif inhi mhux faċli daqskemm tgħid issib min jidħol f’dan ix-xogħol.

Fuq nota pożittiva, bid-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea llum tidħol fi rziezet li huma tal-aqwa livell, rziezet bil-konkos, rziezet nodfa li tidħol bis-slipper, mgħamrin b’pannelli u sorsi oħra ta’ enerġija rinnovabbli.

L-akbar problema li għandna hija li l-Malti ma jistax jifhem prodott Malti għax mhux ċert li huwa Malti. Qiegħed iħallas prezz tal-Malti u jingħata prodott li mhuwiex Malti li minnu tal-ħanut jista’ jaqla’ aktar.”

Joe l-Ħaġi; Burdnar

Sport