Fil-Qorti għadha kemm saret l-għażla tal-membri tal-ġurija fil-każ tal-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti li miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei sitt ijiem wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina f’Paceville. Bojan Cmelik ta’ 38 sena mis-Serbia, huwa mixli bl-omiċidju, li uża forza u reżistenza kif ukoll li ġarr arma bla permess.
Il-ġuri se jinstema’ quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja li fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19 talab biex il-ġurija taghmel swab test qabel ma jibda l-ġuri. Fil-11.30 beda d-diskors ta’ introduzzjoni għall-ġurija li biha ngħataw l-għodda bażika biex jisimgħu l-każ.
L-Imħallef Bugeja filwaqt li assigura li huwa u l-istaff tal-Qorti Kriminali se jagħmlu minn kollox biex il-membri tal-ġurija jħossuhom li jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom. “Għall-ġranet li ġejjin intom intagħżiltu biex tieħdu deċiżjoni fuq il-fatti miġjuba quddiemkom. Mhux se titgħallmu biss tisimgħu imma wkoll tanalizzaw dak kollu li tisimgħu. Ix-xogħol tagħkom huwa li tiddeċiedu fuq il-meritu tal-każ. Ir-rwol tagħkom huwa li taraw il-fatti tal-każ mis-sottomissjonijiet, mix-xhieda u l-ispjegazzjoni tal-liġi. Fl-aħħar tridu tiddeċiedu jekk l-akkużat huwiex ħati jew le għall-akkużi miġjuba kollha kontrih, jew inkella waħda minnhom jew f’xi forma oħra,” spjega l-Imħallef Aaron Bugeja.
Huwa qal li għal dawn it-tliet akkużi l-imputat qal li mhuwiex ħati u li r-rwol tiegħu bħala imħallef fil-ġuri huwa li jiggwida lill-membri tal-ġurija b’relazzjoni mal-interpretazzjoni tal-liġi. Huwa fakkarhom ukoll fl-importanza li l-ġurija tara u tqis lil kulħadd l-istess mod u bla ebda preġudizzji.