Sunday, November 24, 2024

Irreġistrata żieda fl-aċċidenti tat-traffiku

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-traffiku u l-aċċidenti li jseħħu fit-toroq tagħna qegħdin dejjem jiżdiedu. Dan ġie kkonfermat minn tagħrif maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn irriżulta li meta kkomparat mal-2022, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-aċċidenti tat-traffiku żdiedu b’6.3% mentri, il-persuni li weġġgħu fihom ukoll żdiedu bi 13.3%. Irriżulta wkoll li bħala fatalitajiet, fl-istess perjodu, kellna ħamsa inqas mill-2022. Fil-fatt, fl-ewwel tliet xhur tal-2023 kellna erba’ aċċidenti tat-traffiku fatali. Fl-erbgħa li huma tilfu ħajjithom irġiel.

Minn din l-aħħar statistika naraw kif l-akbar ammont ta’ aċċidenti seħħu fil-jum tal-Ħamis b’621 każ li jikkwantifika għal 16.2% mit-total tal-aċċidenti kollha li seħħew fit-toroq tagħna. Mill-informazzjoni mogħtija, in-numru ta’ aċċidenti tat-traffiku li ġew irrapportati fl-ewwel kwart tal-2023 laħaq it-3,822.

Id-Distrett tat-Tramuntana tal-Port kellu l-akbar ammont ta’ aċċidenti tat-traffiku b’total ta’ 1,369 (35.8%). Mentri, Birkirkara hija l-aktar lokalità li fiha seħħu dawn l-aċċidenti b’total ta’ 271-il wieħed. Il-lokalitajiet l-oħra li l-aktar li kellhom aċċidenti tat-traffiku wara Birkirkara kienu Ħal Qormi u l-Mosta b’220 u 183 każijiet rispettivament.

Il-ferimenti kawża ta’ aċċidenti tat-traffiku żdiedu wkoll b’total ta’ 367 persuna. 96 persuna sofrew ġrieħi gravi. Minnhom 52 kienu sewwieqa; tmienja passiġġieri u 36 persuni fit-triq, jew ċiklisti jew oħrajn. Il-ġrieħi sofferti minn wieħed mis-sewwieqa u tliet persuni li kienu fit-triq fil-ħin tal-aċċident tat-traffiku, irriżultaw fatali.

Il-maġġoranza ta’ dawk li weġġgħu kienu rġiel b’77.1% mit-total tal-każijiet mentri, 39.8% ta’ dawk li weġġgħu kienu persuni bejn l-etajiet ta’ 26 u 40 sena. Aktar fid-dettal, din l-istatistika turi li l-akbar għadd ta’ tidrib mill-aċċidenti tat-traffiku (53.1 fil-mija) kienu jinvolvu karozzi tal-passiġġieri. Warajhom, ġew dawk l-aċċidenti li kienu jinvolvu l-muturi (34.6 fil-mija) u l-vetturi tal-ġarr tal-merkanzija (6.5 fil-mija)

L-ammont ta’ ċiklisti li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kienu involuti f’aċċident fit-toroq tagħna kien ta’ tmienja b’sitta minnhom isofru ġrieħi ħfief mentri, tnejn sofrew ġrieħi gravi.

L-Għarb, il-Qala, l-Għasri, Ta’ Kerċem, ix-Xgħajra, San Lawrenz u Il-Fontana rreġistraw inqas minn ħames aċċidenti tat-traffiku. Fil-fatt, fl-istess perjodu mqabbel mas-sena preċedenti, id-distretti ta’ Għawdex u Kemuna kellhom andament pożittiv fejn irreġistraw tnaqqis fl-ammont ta’ aċċidenti tat-traffiku (-9%).

Sport