Monday, May 13, 2024

“Irrid Ewropa li taħdem għal paċi”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq l-istazzjoni televiżiv One, il-Prim Ministru u mexxej Laburista Dr Robert Abela qal li fit-8 ta’ Ġunju li ġej il-poplu għandu deċiżjoni x’jagħmel. Sostna li din mhix elezzjoni bħal oħrajn hekk kif ir-riżultat se jagħti direzzjoni lejn liema Ewropa rridu nimxu.

“Jien irrid Ewropa li taħdem għal paċi,” stqarr Dr Abela filwaqt li reġa’ tenna li hu jrid Ewropa li tindirizza r-realtajiet tan-nies. “Ħaddieħor iħares lejn l-Ewropa biex javanza l-karriera personali tiegħu. Irridu Ewropa li tinvesti fl-armi u fit-tankijiet tal-gwerra jew Ewropa li tinvesti fis-soċjal u fl-ambjet,” staqsa l-Prim Ministru.

Waqt l-istess intervista l-Mexxej Laburista tkellem fit-tul dwar il-viżjoni tal-Gvern li jrid iwassal lil dan il-pajjiż sa tmiem il-leġiżlatura. Semma li se jkomplu jitiebu s-servizz tas-saħħa f’kull lokalità u anke serivzzi oħrajn biex l-anzjani jħossu li jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom.

“Qabel xejn il-ħolqien tal-opportunitajiet. Il-kundizzjonijiet ta’ kulħadd. Minn isfel għal fuq. Insemmi ż-żieda fil-paga minima. Nibqgħu l-gvern li rridu nwieżnu l-ħaddiema. U fil-manifest għandna miżuri konkreti. Qabel xejn aħna gvern li ma jżidx il-piż tat-taxxi, aħna gvern li jżid il-benefiċċji bħaċ-Children’s allowance, aħna gvern illi nippremjaw il-bżulija,” tenna l-Prim Ministru.

Irrefera wkoll għaż-żjara li għamel f’Għawdex il-ġimgħa li għaddiet fejn tkellem ma’Sarah żagħżugħa ta’ 18-il sena fejn din qaltlu li se tkun qiegħda tikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali għax trid tmexxi ‘l quddiem lil lokalità tagħha. Dr Abela qal li laqtitu frażi li qaltlu din it-tfajla fejn qaltlu li “ż-żgħażagħ huma l-preżent u mhux biss il-futur.”

Il-Prim Ministru Dr Robert Abela ħeġġeġ lil kulħadd biex fit-8 ta’ Ġunju li ġej imur jivvota u jagħti direzzjoni lil Ewropa soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport