Tuesday, December 24, 2024

“Irrid inħalli legat biex dawk li ġejjin warajja jsibu xogħol tajjeb u diversi proġetti ta’ fejda għall-poplu kollu”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Inewsmalta f’intervista mal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Aaron Farrugia li jaħdem qatigħ għall-akbar ġid ta’ dawn is-setturi fundamentali f’pajjiżna.

Minn Cristian Muscat

L-ewwel nett, minn dejjem kont tara lilek innifsek fil-politika?

Fil-verità sa meta kelli 16-il sena qatt ma kont interessat daqshekk fuq il-politika. Kien meta dħalt il-Junior College li verament bdejt nibda nagħti sehmi f’dan il-qasam tant sabiħ. Kienet is-sena 1996. Sa qabel dak iż-żmien kont iktar iffukat fuq il-futbol. Iżda mbagħad iddeċidejt li nissieħeb mal-PULSE u aktar tard mal-Forum Żgħażagħ Laburisti fejn għamilt żmien president tagħhom. Dan kollu beda jħeġġiġni sabiex nipprova noħroġ għall-politika u fl-2013 tajt sehmi fil-manifest elettorali li eventwalment spiċċa rebbieħ fl-elezzjoni ta’ dik is-sena. 

Infurmat li taħdem sigħat twal. Kif jirnexxielek issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja?

Ifhem jien għandi ministeru b’portafoll kbir. Għalhekk importanti li jkolli riżultati f’dak li nwettaq. Jien irrid inħalli legat biex dawk li ġejjin warajja jsibu xogħol tajjeb u diversi proġetti ta’ fejda għall-poplu Malti u Għawdxi. 

Irrid ngħid li jien bniedem organizzat ħafna u dan kollu jilgħab parti importanti sabiex inlaħħaq ma’ kollox. Jien bniedem li ma tantx norqod kmieni iżda fl-istess ħin inħobb inbakkar sew. Inħobb nieħu l-kolazzjon bil-kwiet u eventwalment nwassal it-tfal għall-iskola. Wara l-ġurnata tax-xogħol nara li sa qabel it-tmienja ta’ filgħaxija nkun id-dar sabiex inkun nista’ nara lit-tfal qabel ma jmorru jorqdu.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Ministru tal-Ambjent.

Apparti li għandi l-Ministeru tal-Ambjent, hemm ukoll dak tal-ippjanar u tibdil fil-klima. Dan hu portafoll importanti. Qed nara li bħala ministeru nagħtu importanza kbira lill-ambjent. Hemm budget konsiderevoli dedikat lil dan l-aspett tant importanti għal pajjiżna. 

Naf li inti gradwat fl-ekonomija u anki bħala avukat. Dan jgħinek fil-ħidma tiegħek bħala Ministru?

Biex inkun qed ngħidlek kollox, naf insib bilanċ f’dan is-settur tant sensittiv. Fil-fatt irridu naraw li nibbilanċjaw dak kollu minħabba li hu qasam ferm sensittiv. Irridu naraw li s-settur tal-kostruzzjoni jkompli jrendi iżda fl-istess waqt nqisu li rridu nħarsu l-ambjent. Nemmen li kapaċi nagħmlu dan fis-snin li ġejjin.

Kemm taħdem mill-qrib mal-Prim Minstru Dr Robert Abela?

Jien u l-Prim Ministru Dr Robert Abela niddiskutu bejnietna. Inħossni komdu naħdem miegħu. Kont ili nafu sew anke għax hu tampari. Jien u hu nħaddnu l-istess viżjoni.

Din l-intervista qed issir ukoll fi żmien sena minn mindu Robert Abela laħaq Prim Ministru. X’taħseb fuq ir-riformi u l-politika li mexxa s’issa?

Bla dubju li s-sena 2020 kienet waħda meqjusa ta’ governanza. Kellhom jittieħdu ċerti deċiżjonijiet li mhux dejjem kienu popolari. Il-gvern mhux dejjem komdu jagħmel ċerti deċiżjonijiet iżda fl-aħħar mill-aħħar dan isir għall-ġid ta’ kulħadd. 

Tara lilek innifsek bħala Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru fil-futur?

Mhuwiex fil-pjanijiet tiegħi u ngħidlek għalfejn – għax illum bħala Minisitru nista’ nħalli legat u bħala Ministru nista’ nbiddel u eventwalment fis-snin li ġejjin inkun nista’ nħares lura u ngħid meta kont Ministru jiena kont jien li għamilt dawk ir-riformi, kont jien li wellidt dak il-proġett partikolari u allura nemmen li minn fejn qiegħed illum il-ġurnata bħala Ministru b’portafoll pjuttost kbir u voluminuż nista’ nagħmel il-bidliet meħtieġa. Iżda le, nerġa’ ngħidlek li mhux fil-pjanijiet tiegħi li nsir Mexxej tal-Partit Laburista.

Il-politika xi rwol tilgħab biex tinkiseb il-ġustizzja soċjali?

Ninsab kburi li nifforma parti mill-Partit Laburista, li nqisu bħala moviment riformista. Kburi wkoll li għamilna bidliet importanti li tajna kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies. Kemm hu sabiħ li tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies!

B’liema mod it-teknoloġija bidlet id-dinja?

Illum il-ġurnata l-politiku jrid ikompli jadatta għall-bidliet kbar li qed iseħħu fil-qasam diġitali. Jrid ikun lest li jinbidel u jużaw dawn il-mezzi bl-aħjar mod possibbli. Fl-antik jekk kont tisma’ b’xi aħjar, dan kien iseħħ permezz tal-gazzetta jew inkella fl-aħbarijiet ta’ tmienja li kien ikun hemm fuq it-televixin. Illum il-ġurnata, l-aħbar toħroġ ftit sekondi wara li tkun seħħet permezz tal-midja soċjali. Għalhekk il-politiku jrid ikun ippreparat għal iktar tibdil diġitali u jużah sew sabiex ikun aġġornat f’dan il-qasam li llum sar tant imporanti. 

Apparti li int Ministru għall-Ambjent, int ukoll Ministru responsabbli mill-Ippjanar. Kif tħares li għandu jkun il-bilanċ bejn dawn iż-żewġ oqsma?

Il-qasam tal-ippjanar iġib sfidi kbar quddiemu. Dan hu suġġett sensittiv sew. Ftit però jafu li fis-sena 2006 kienu saru xi riformi f’dan il-qasam fejn art li tissejjaħ ODZ setgħet tinbena bi dritt. Issa rridu naraw li noħolqu bilanċ fejn naraw li l-ambjent jitħares u ma jkunx hemm żvilupp eżaġerat.

L-2020 ġab miegħu diversi riformi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent. X’hemm ippjanat għall-2021?

L-ewwelnett jien bħala ministru tal-ambjent irrid li nara aktar aħdar, xi ħaġa li anke n-nies jixtiequ jarawha. Irrid li n-nies ma jridux bilfors imorru lejn Ta’ Qali jew Kennedy Grove sabiex jaraw ambjent naturali. Nistgħu nkomplu nħaddru aktar postijiet anke fit-toroq tagħna jew inkella ħdejn il-postijiet fejn ngħixu. Għalhekk inħoloq il-kunċett ta’ ġnien vertikali li beda jsebbaħ l-ambjent tal-madwar f’diversi toroq Maltin.

M’hemm dubju li l-ambjent naturali jagħmel il-kwalità ta’ ħajja tan-nies dejjem aktar tajba. Hu għalhekk li se nippruvaw innaqqsu l-karozzi mill-pjazez tagħna u natuhom lin-nies.

Bħala parti mill-viżjoni għall-quddiem tal-Gvern, jissemma ħafna l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari. Xi tkun din fir-realtà?

Nemmen li prodott li bniedem jagħmel użu minnu ma jistax jintuża biss darba u jintrema’. Kien għalhekk li rridu nwaqqfu għalkollox l-użu tal-plastik li jagħmel ħsara kbira lill-ambjent.

Semmejtu ħafna li permezz ta’ ECOHIVE – l-ikbar investiment fl-immaniġjar f’pajjizna se nkunu qed neqilbu l-iskart f’riżorsa. X’jinvolvi dan l-investiment u b’liema mod se jkun qed jilħaq dan il-għan?

Nista’ ngħidlek li vvutajna budget kbir għal dan is-settur anke f’nofs pandemija. M’hemmx dubju li l-iskart għandu jiġi ttrattat aħjar sabiex naslu għal riżultati aħjar fil-futur. Dan jista’ jinbidel ukoll f’riżorsa kif għedt tajjeb inti.

Malta ukoll protagonista f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima? X’ħidma saret f’dan ir-rigward?

Bdejna nagħmlu l-bidliet minn issa sabiex naslu għal dak li nixtiequ. Dan hu pjan li jiswa ħafna flus iżda nqisu bħala wieħed ambizzjuż. Persważ li flimkien naslu sabiex inwettquh bl-aħjar mod possibbli.

Is-sena li għaddiet tħabbret ukoll il-Low Carbon Development Strategy, strateġija li ġiet imfassla permezz ta’ diversi laqgħat ma’ stakeholders differenti biex tgħinna nibnu ekonomija li ma tiġġenerax karbonju sal-2050. B’liema mod se jkun qed isir dan?

Aħna se nkomplu għaddejjin bil-laqgħat tagħna sabiex naslu għal aktar metodi sabiex din l-istrateġija nwettquha bl-aħjar mod possibbli. Dan hu settur importanti wkoll fejn irridu nnaqqsu l-użu tal-karbonju sa tletin sena oħra. Hi sfida li rridu naraw li nwettquha għall-ġid ta’ kulħadd. 

Qed issir ħidma estensiva fuq tħaddir fl-urban. Nafu li saru għadd ta’ ġonna vertikali biswit il-Marsa Hamrun bypass u Raħal Ġdid. X’hemm ippjanat ghal dan is-settur għas-sena d-dieħla?

Bħala ministeru bdejna nwettqu l-programm Ewropew li għandi fih skemi diversi sabiex nwasslu għal iktar tħaddir fl-urban. Kif għedtlek in-nies iridu ambjent san u li l-kulur aħdar tan-natura jkun aktar madwarhom.

Punt topiku tal-mument huwa dak rigward is-single use plastics. Tħabbar li din is-sena se titwaqqaf l-importazzjoni u s-sena d-dieħla se jitwaqqaf il-konsum ta’ dawn il-materjali. X’reazzjoni kellek mill-komunità kummerċjali u mill-konsumatur? 

Aħna rridu nkunu pijunieri f’dan il-qasam tant importanti. Irridu li jitnaqqas għalkollox l-użu tal-plastik f’pajjiżna. Kif għedtlek dan jagħmel ħsara kbira lill-ambjent. Hu pjan ambizzjuż li kapaċi nagħmluh speċjalment jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed. 

Ċertament li din il-pandemija esponiet lil min hu vulnerabbli, ghal aktar vulnerabbiltà. X’taħseb?

Naqbel miegħek sew f’dak li għadek kemm għedt. Kellna nadattaw għal norma ġdida ta’ ħajja kollha kemm aħna. Min-naħa tal-gvern, aħna għamilna dak kollu possibbli sabiex ngħinu lin-nies anke permezz tal-iskemi li ħloqna. Minkejja kollox, aħna nittamaw li fix-xhur li ġejjin noħorġu minn din il-pandemija li bidlet għalkollox il-ħajja tan-nies.

Inti Ministru żagħżugħ, x’taħseb li se jkun il-pass li jmiss tiegħek fil-politika?

Inqis ruħi bħala politiku xxurtjat minħabba li mal-ewwel irnexxieli naħdem fuq in-naħa tal-gvern u ngħatajt dekasteru ferm importanti. Jien lest li nkompli naħdem sabiex inħalli legat f’dak li qed nagħmel.

Għaddi messaġġ lil dawk il-persuni li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-politika.

Messaġġ partikolari u qasir li nixtieq ngħaddi hu li l-politika hu qasam ferm sabiħ. Madankollu wieħed m’għandux jidħol għaliha għaċ-ċapċip tan-nies jew inkella biex ikun populist. Għandu jagħmel dan biex iwettaq riformi u kif inħobb ngħid jien iħalli legat ferm importanti għal dawk ta’ warajh.

Ekonomija

Sport