Wednesday, December 25, 2024

“Irrid inkun il-vuċi ta’ kull resident fil-Kunsill … anke tal-barranin”

- Michael Mifsud, kandidat f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għal lokalità tax-Xgħajra.

Aqra wkoll

“Irrid inkun il-vuċi ta’ kull resident jekk niġi elett fil-Kunsill Lokali, u dan nagħmlu mingħajr ebda distinzjoni jekk hux resident Malti jew barrani.” Hekk saħaq ma’ dan is-sit Michael Mifsud, kandidat f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għal lokalità tax-Xgħajra.

Għal Mifsud din hija l-ewwel esperjenza tiegħu fejn se jikkontesta elezzjoni tal-kunsill lokali, iżda kif jistqarr hu stess jaf eżatt kif jaħdem kunsill minħabba t-12-il sena esperjenza li għandu meta okkupa l-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv.

Bħala parti mill-kampanja personali tiegħu, Mifsud iddeċieda li joħroġ fuljett li jkun miktub b’5 lingwi differenti fosthom bil-Ġermaniż u anke bl-Ispanjol.

Ma’ dan is-sit il-kandidat jgħid li ġietu din l-idea hekk kif bdew jdur bieb bieb u anke jkun viċin in-nies. “Meta inti tibda ddur il-lokalità u tkun viċin in-nies tinduna li fil-post fejn tgħix hemm ħafna residenti li ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom anke pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom dritt għal vot daqs il-Maltin u allura jien irrid inkun il-vuċi tagħhom ukoll,” stqarr Michael Mifsud.

Jgħid li l-ewwel qassam fuljett kollu bil-Malti u dan tqassam ukoll lir-residenti li ġejjin minn diversi pajjiżi, iżda bħalissa qiegħed jitqassam fuljett apposta li hu mmirat lejn il-barranin biss.

“Għandhom iħossuhom parti mill-komunità anke jekk mhux Maltin. Waqt li kont qiegħed indur bieb bieb issib min jgħidlek li huma ma jafux jitkellmu la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż,” kompla jgħid Mifsud.

Meta mistoqsi dwar kemm il-barranin qegħdin iħossuhom parti mill-komunità, Mifsud jistqarr li trid issir ħidma ferm akbar biex dawn jintegraw. “Jien dejjem nagħti importanza lil lingwa Maltija u fil-fatt meta nkun qiegħed nitkellem ma’ residenti barranin inħeġġiġhom biex tal-inqas jibdew jitgħallmu kliem bażiku bil-Malti. Li toħroġ filgħodu mid-dar u lil ġrieni tgħidilhom ‘bonġu’ diġà tkun qiegħed turi li qed tintegra mal-komunità,” ikompli jgħidilna l-kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

Hu jtemm jgħid li l-għajta tiegħu għal dawn l-elezzjonijiet hu “l-Pass li Jmiss” flimkien mar-residenti. “Għalhekk nisħaq li ma nagħmlux distinzjoni bejn dak li hu Malti u dak li hu barrani għax trid tgħix ma’ kulħadd u jekk tkun fil-Kunsill Lokali trid tkun il-vuċi tar-residenti kollha li jgħixu fix-Xgħajra,” itemm jgħid Michael Mifsud.

Ekonomija

Sport