Tuesday, December 24, 2024

“Irridu bidla fil-mentalità biex jiġu eletti aktar nisa”

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana iddeskriviet il-liġi li qed tipproponi żieda fid-deputati tas-sess l-inqas rappreżentat fil-Parlament bħala waħda storika imma nsistiet li hemm bżonn bidla fil-mentalità biex dan isseħħ.

Hija fissret il-liġi bħala waħda minn katina ta’ passi li gvernijiet Laburisti ħadu matul is-snin biex ikun hawn iktar ġustizzja soċjali w ugwaljanza fil-pajjiż inkluż fil-Parlament.

Caruana iddeskriviet il-politika bħala arena iddominata mill-irġiel u għalhekk din il-liġi se sservi bħala pjattaforma biex in-numru ta’ deputati nisa jiżdiedu.

Fl-istess waqt wissiet li l-bidliet fihom infushom mhux se jiggarantixxu li l-kandidati nisa se jiġu eletti u għalhekk meħtieġ bidla fil-mentalità fejn l-elettorat jagħraf li hawn nisa validi u kompetenti.

Godfrey Farrugia: “liġi li tagħti vantaġġ liż-żewġ partiti l-kbar”

Id-deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia iddeskriva l-liġi immirata biex aktar nisa jidħlu fil-Parlament bħala waħda li tagħti vantaġġ liż-żewġ partiti l-kbar u tagħti daqqa ta’ sikkina lill-partiti ż-żgħar.

Huwa irrimarka li għalkemm kien raġel huwa femminist u lmenta li wasalna f’dan il-punt medjokri minħabba s-sistema politika u għax iż-żewġ partiti ma kienux kapaċi jindirizza s-sistema politika.

Farrugia akkuża liż-żewġ partiti ewlenin li huma ferħana bl-‘status quo’ għax jiżguraw li jibqgħu huma fil-Parlament u sejjaħ l-abbozz ta’ liġi bħala attakk frenat fuq id-demokrazija.

Waqt li sostna li s-soċjetà taf tivvota, kif jidher mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Farrugia sostna wkoll li din hija liġi ta’ rigress u nsista li ma jaqbilx mal-kwoti għax qed ngħixu f’’gender free society’.

Agisu Decelis: “liġi li ġġib aktar ugwaljanza bejn is-sessi”

Id-deputat Laburista Anthony Agius Decelis iddeskriva l-liġi li taħseb biex jiġ eletti aktar nisa fil-Parlament bħala waħda li se ġġib iktar ugwaljanza bejn is-sessi fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Huwa sostna li mhemmx ġustizja soċjali jekk ma jkunx hemm ugwaljanza u saħaq li b’din ir-riforma kbira wasal il-mument tal-prova għal min  ilu jitkellem dwar din il-ħtieġa.

Fl-istess waqt huwa nsista li j’Alla jiġi żmien fejn ma jkollnix aktar bżonn din il-liġi għax il-poplu jeleġġi aktar nisa fil-Parlament għax jagħraf l-importanza ta’ dan.

Agius Decelis iddeskriva wkoll din il-liġi bħala oħra minn sensiela li daħħlu fil-pajjiż gvernijiet Laburisti biex ikun hawn iktar ġustizzja soċjali fis-soċjetà tagħna.

Byron Camilleri: “ta’ għajb in-numru ta’ deputati nisa bħalissa”

Il-ministru responsabbli mill-intern u s-sigurtà nazzjonali Byron Camilleri iddeskriva bħala ta’ għajb in-numru ta’ deputati nisa li bħalissa jinsabu fil-Parlament u sostna li għadna fis-sitwazzjoni li kienet fiha Agatha Barbara 50 sena ilu.

Huwa innota li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sitwazzjoni hija ferm differenti għax kienu ħafna n-nisa li telgħu nkluż tnejn li ġabu eluf kbar ta’ voti.

Waqt li semma kif bil-proġett-LEAD il-PL qed iffaċċja l-problema ta’ nuqqas ta’ kandidati nisa, Camilleri sostna li b’din ir-riforma qed nieħdu deċiżjoni dwar in-nuqqas tagħhom fil-Parlament.

Huwa wissa wkoll li d-deputati u politiċi jridu joqgħodu attenti kif jitkellmu għax jaf inaffru lil dawk interessati meta fil-verità il-politika hija sabiħa u nistgħu nagħmlu ħafna ġid biha.

Michael Falzon: “dan żvilupp politiku li rridu nagħmlu”

Il-ministru responsabbli mill-politika soċjali Michael Falzon iddeskriva l-abbozz tal-liġi maħsub biex iżid id-deputati nisa bħala żvilupp politiku li jeħtieġ isir.

Huwa sostna li permezz tiegħu l-Parlament se jassigura li ebda sess ma jkollu inqas minn 40% tad-deputati fi żmien meta l-Parlament għandek ħafna iktar deputati rġiel

Falzon irrimarka li għalkemm hemm min ma jaqbilx ma’ din ir-riforma huwa importanti li tidħol biex ikun jista’ jintlaħaq dan il-għan ta’ aktar ugwaljanza fil-Parlament.

Falzon qal li huwa jaqbel anke jekk b’nofs daħka sostna li hawn min jiddeskrivih bħala “male chauvinist pig” u sostna li bih se nilħqu tragward politiku ieħor.

Zammit Lewis: “irridu nevitaw ‘witch hunts’ fuq politiċi għax ma nħajrux nisa”

Il-ministru responsabbli mill-qasam tal-ġustizzja Edward Zammit Lewis insista li għalkemm il-liġi maħsuba biex iżżid aktar deputati nista’ hija tajba jeħtieġ li fil-politika ma jkunx hemm ‘witch hunts’ u stejjer personali fuq il-politiċi għax dan ma jgħinx biex inħajru nisa jikkontestaw.

Huwa qal li din il-liġi hija importanti biex ikun hemm aktar nisa fil-Parlament għax biex dan isir hemm bżonn tibdil fil-liġi mhux bħaż-żieda ta’ ġudikanti nisa li fihom il-gvernijiet setgħu jagħżlu huma matul is-snin u llum għandna bosta imħallfin u maġistrati nisa.

Zammit Lewis fakkar ukoll li din il-liġi taħseb ukoll biex anke fil-Kummissjoni Elettorali jkun hemm 40% nisa biex hekk ikun hemm minn tal-inqas erbgħa mill-10 membri tas-sess femminil.

Huwa fakkar ukoll kif dan huwa pass ieħor li ħadu gvernijiet Laburisti biex jemanċipaw lin-nisa u semma kif taħt Gvern Laburista kien hemm l-ewwel President tar-Repubblika mara u anke l-ewwel Avukat Ġenerali hija mara.

Ekonomija

Sport