Monday, December 9, 2024

Passiġġiera kkumpensata talli tal-linja skidjat f’Bieb il-Bombi

Aqra wkoll

Mara li weġġgħet wara li l-karozza tal-linja li kienet fiha skidjat u baqgħet dieħla fil-Bieb tal-Bombi rebħet €17,866 lill-kumpanija li tmexxi t-trasport pubbliku.

Anna Attard fetħet il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Malta Public Transport Services (Operations) Limited u l-Mapfre Middlesea Insurance plc b’rabta mal-inċident li kien seħħ fl-24 ta’ Ottubru 2014.

Hija kienet riekba karozza tal-linja proprjetà tal-Arriva, li dak iż-żmien kienet responsabbli mit-trasport pubbliku, meta din skidjat u baqgħet dieħla fil-Bieb tal-Bombi.

Attard, li kellha 52 sena u kienet taħdem bħala ‘senior care worker’ mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, kienet waħda minn diversi passiġġieri li weġġgħu fejn fil-każ tagħha ntilfet minn sensiha.

Mapfre Insurance aċċettat ir-responsabbilta bħala l-kumpanija li magħha kienet assikurata l-karozza tal-linja madankollu l-Malta Public Transport Services (Operations) Limited le.

L-Imħallef Francesco Depasquale żamm lit-tnejn li huma responsabbli tal-inċident u meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens qies, fost oħrajn, l-età tal-vittma u l-fatt li sofriet diżabilità ta’ 10%.

Ekonomija

Sport