Saturday, December 21, 2024

“Irridu nagħtu l-assistenza lil dawk fil-periklu tal-għarqa”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li għan kbir ta’ din il-festa tant għażiża għalina hi proprju li nroddu ħajr lil Alla tal-imħabba li wera magħna Pawlu ta’ Tarsu. 

L-Arċisqof qal li l-imħabba li għallimna Pawlu hi mibnija fuq il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Huwa żied jgħid: “ejjew nagħrblu lilna nfusna. It-tradizzjonijiet, il-kultura, il-letteratura u l-arti tagħna li huma mlaqqmin fil-Kristjaneżmu għadhom espressjoni tal-imħabba ta’ bejnietna? Qegħdin iwassluna għall-imħabba ta’ bejnietna?”.

“Hija l-imħabba li tagħti togħma lill-ħajja. L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq,” tenna l-Arċisqof. “Min jaf kemm ommijiet qalbhom maqsuma minħabba wliedhom. Min jaf kemm missirijiet inkwetati minħabba l-futur tax-xogħol tagħhom. Qed jagħtu ħajjithom kuljum.

“Għandi quddiemi nies li qed jagħtu ħajjithom fil-qadi tas-soċjetà. Insellem lill-President ta’ Malta, lill-Prim Ministru, President tal-Parlament Ewropew, il-Prim Imħallef, il-Kap tal-Oppożizzjoni, u persuni distinti oħra.”

L-Arċisqof qal; “l-imħabba taħfer. Mhux li tinsa l-inġustizzja jew ma tfittixx il-ġustizzja imma l-imħabba twassal lill-maħfra tkun għas-servizz tal-verità. Illum nafu li biex tista’ taħfer trid tgħaddi mill-esperjenza ħelliesa li tifhem u taħfer lilek innifsek.

“Kemm drabi l-iżbalji tagħna jew il-ħarsa kritika tal-persuna li nħobbu wassluna biex tlifna l-imħabba tagħna nfusna. Dan fl-aħħar mill-aħħar iwassalna biex inżommna lura milli nidħlu f’relazzjonijiet mal-oħrajn.”

Huwa qal li jeħtieġ li nagħrfu ngħixu bil-limiti tagħna u anke naħfru lilna nfusna biex nimxu bl-istess imġiba mal-oħrajn. Qal li jekk naċċettaw li l-imħabba ta’ Alla hi bla kundizzjonijiet, li l-għożża li għandu l-Missier għalina la tinxtara u lanqas tħallas għaliha, allura nkunu nistgħu nħobbu lil hinn minn kull ħaġa u naħfru lil oħrajn anke jekk kienu inġusti magħna.

“L-imħabba titgħenna mhux biss bit-tajjeb ta’ dak li jkun imma bit-tajjeb ta’ kulħadd. L-imħabba tafda. Din l-istess fiduċja tagħmel possibbli relazzjoni ta’ libertà. Mhemmx bżonn nikkontrollaw lil ieħor biex nevitaw li jaħrabilna minn taħt idejna. Dan ifisser li fl-imħabba hemm l-ottimiżmu li aħna nistgħu nkunu aħjar,” qal l-Arċisqof.

Huwa sellem ukoll lil dawk kollha fis-soċjetà anke b’sagrifiċċju personali għax qatt ma tilef it-tama, jaħdem għall-ġustizzja, għal-libertà, għal-libertà tal-esperjenzzjoni u fil-qasam sojali biex iż-żgħażagħ tagħna jintrefgħu minn kull vizzju u periklu. “Dawn huma nies ta’ tama. Dawn huma nies ta’ mħabba.”

“Kemm tkun ħaġa sabiħa li għalkemm pajjiż ċkejken inkunu dak l-element pożittiv. Imma mhux bil-kliem biss. Anke bl-eżempju tagħna. Fuq il-kwistjoni tal-immigranti nitolbu s-solidarjetà tal-Ewropa u għandna dritt li nagħmlu hekk. 

“Imma aħna rridu l-ewwel li jekk ikun hemm xi ħadd fil-periklu tal-għarqa, bħalma kienu l-276 persuna, nagħtuhom l-assistenza. Jekk ikollna iżjed dritt ninsistu li aħna ma nistgħux nitħallew waħedna. Li aħna l-imħabba tagħna hi konkreta u titlob u tattira s-solidarjetà, l-imħabba konkreta tal-oħrajn,” tenna l-Arċisqof Scicluna.

Ekonomija

Sport