Thursday, April 25, 2024

“Irridu naħdmu flimkien sabiex it-tfal kollha jkunu jafu d-drittijiet tagħhom”

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal

Aqra wkoll

L-10 ta’ Diċembru jimmarka l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem, ġurnata fejn niċċelebraw 75 sena mid-Dikjarazzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Dikjarazzjoni tindika d-drittijiet, inkluż dawk tat-tfal, li huma intitolati għalihom il-bnedmin kollha. Id-Drittijiet tat-Tfal huma Drittjiet tal-Bniedem u rridu naħdmu flimkien sabiex nassiguraw lit-tfal kollha jkunu jafu bihom u li jkollhom aċċess għal dawn id-drittijiet sabiex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. 

L-10 ta’ Diċembru jimmarka wkoll it-tmiem tas-“16-il Ġurnata ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru”, għajta internazzjonali sabiex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal. Sabiex jiġu mfakkra dawn is-16-il ġurnata, l-Uffiċċju tal-Kummissarju ikkollabora ma’ numru ta’ entitajiet sabiex iqajjem għarfien dwar relazzjonijiet b’saħħithom. 

L-Uffiċċju kkollabora mal-Kummissjoni kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. L-Uffiċċju kkollabora wkoll mat-Trobbija Pożittiva Malta sabiex jorganizza 10 workshops f’4 skejjel differenti bil-għan li jqajjem għarfien dwar relazzjonijiet b’saħħithom. 

Il-ħsieb wara dawn il-workshops huwa li jiġi diskuss, flimkien ma’ żgħażagħ ta bejn it-12 u t-13-il sena, xi jfissru relazzjonijiet ibbażati fuq rispett reċiproku u kif dak li jkun jinduna b’sinjali ta’ relazzjonijiet li mhumiex b’saħħithom. Trobbija Pożittiva Malta ppreżentat, lil kull skola li pparteċipat, ktieb intitolat ‘Karolina, Ferdi u sSaħħar il-Ħażin’, pubblikazzjoni miktuba minn Audrey Friggieri u Dr Clarissa Sammut Scerri, dwar il-vjolenza domestika. Set ta’ kotba ġew mogħtija lil kull skola sabiex jintużaw bħala riżorsa fil-klassijiet matul diskussjonijiet dwar vjolenza u abbuż. 

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jisħaq sabiex dawk kollha li għaddejjin min diffikultajiet jew qegħdin jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru, jagħmlu kuraġġ u jsaqsu għall-għajnuna. Dan tista’ tagħmlu billi ċċempel 179.

Sport