Quddiem eluf ta’ persuni li nġabru fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu waqt l-Urbi et Orbi, wassal appell qawwi għall-paċi madwar id-dinja.
Il-Papa Franġisku, li għandu 88 sena, ħareġ fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru fuq siġġu tar-roti u sellem lill-folla preżenti filwaqt li lissen il-kliem “Għeżież ħuti, l-Għid it-Tajjeb.”
Il-messaġġ tradizzjonali tiegħu tal-Għid imbagħad inqara minn Mons. Diego Ravelli. Fl-istess messaġġ, il-Papa jiddikjara li rridu nerġgħu nittamaw li l-paċi hi possibbli. “Jalla d-dawl tal-paċi jinżel fuq l-Art Imqaddsa u d-dinja kollha.”
Il-Papa Franġisku fakkar kif l-Għid huwa ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja. Qal li Alla ħalaqna biex ngħixu u jrid li l-familja tal-umanità terġa’ tqum. “F’għajnejn il-Mulej, kull ħajja hi prezzjuża, il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf tal-omm kif ukoll l-anzjani u l-morda.
“Kemm naraw ta’ kuljum imwiet u vjolenza fid-diversi kunfliti madwar id-dnja. Kemm vjolenza ta’ spiss naraw fil-familji fil-konfront tan-nisa u t-tfal. Kemm disprezz isir fil-konfront tad-debboli, l-emarġinati u l-migranti,” qal il-Papa Franġisku.
“F’dan il-jum, nixtieq li nerġgħu nittamaw u jkollna fiduċja fl-oħrajn anke dawk li huma differenti minnha, jew li jiġu minn postijiet imbiegħda u li għandhom użanzi differenti minna. Aħna lkoll ulied Alla.”
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa qal ukoll li jħossu viċin tat-tbatijiet tal-Kristjani fil-Palestina u l-Iżrael kif ukoll lejn il-poplu tal-Palestina u l-Iżrael. Qal ukoll li l-kliem tal-antisemitiżmu madwar id-dnja huwa preokkupanti ħafna.
“Il-ħsieb tiegħi jmur speċjalment lejn il-komunità Kristjana f’Gaża fejn il-kunflitt qed ikompli jġib ħafna mwiet, qerda u joħloq mumenti drammatiċi u sitwazzjonijiet diżumani. Nagħmel appell lill-partijiet interessati: Waqqfu l-ġlied, eħilsu l-ostaġġi u agħtu l-għajnuna lin-nies li qed isofru l-ġuħ u qed jittamaw għall-futur f’ħajjithom ta’ paċi,” qal il-Papa.
Huwa żied jgħid: “nitolbu għall-komunità Kristjana fil-Libanu u s-Sirja li f’dan il-waqt li qed jesperjenzaw mumenti delikati fl-istorja ta’ pajjiżhom. Huma qed jittamaw fl-istabbiltà u jipparteċipaw f’dak li jista’ jiġri lin-nazzjonijiet rispettivi. Inħeġġeġ lill-Knisja kollha biex titlob għall-Kristjani tal-Lvant Nofsani.”
Wassal ukoll il-ħsieb tiegħu għan-nies tal-Yemen li qed jgħixu waħda mill-kriżijiet l-aktar twal u diżumani tad-dinja minħabba l-gwerra. Huwa stieden lil dawk involuti biex tinstab soluzzjoni konkreta bi djalogu kostruttiv.
Qal li jitlob ukoll biex Kristu Rxoxt jaqla’ r-rigal tal-paċi li jġib l-Għid lill-poplu tal-Ukrajna. “Jien ninkoraġġixxi lil dawk kollha involuti biex jagħmlu sforz u tinġieb il-paċi tant mixtieqa.”
“Nitlob ukoll sabiex jiġi ffirmat it-trattat ta’ paċi mill-aktar fis bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u jwassal għall-għaqda tant mixtieqha f’dan ir-reġjun.
“Nitlob biex id-dawl tal-Għid jispira biex jippromwovi armonija fil-Balkani Oċċidentali u jġiegħel lill-mexxejja politiċi biex inaqqsu t-tensjoni u l-kriżi u mal-pajjiżi l-oħra viċin biex iwarrbu sitwazzjonijiet tant perikolużi u distruttivi.”
Il-Papa tenna wkoll: “Jalla Kristu Rxoxt, it-tama tagħna, jagħti l-paċi u l-konsolazzjoni lill-poplu Afrikan, vittmi ta’ vjolenza u kunflitt speċjalment fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan.”
Finalment huwa tenna li l-ebda paċi mhi possibbli mingħajr diżarm sħiħ. Saħaq li l-ħtieġa li kull poplu jipprovdi għad-difiża stess ma tistax tinbidel f’tellieqa għall-armi. “Hemm bżonn li jkun hemm is-solidarjetà reċiproka għax kull persuna umana għandu jkollha r-rispett tagħha.”
Huwa temm jappella lil dawk kollha li fid-dinja għandhom responsabbiltà politika biex ma jċedux għal-loġika tal-biża’ u jużaw ir-riżorsi tagħhom biex jgħinu lil dawk fil-bżonn, jiġġieldu l-ġuħ u jiffavorixxu inizjattivi li jippromwovu l-iżvilupp. “Huma dawn l-armi tal-paċi,” tenna l-Papa.