Friday, September 11, 2026
Home Sport Irridu ngawdu s-suċċess li ksibna, imma llum irridu nibdew naħdmu għas-suċċess li...

Irridu ngawdu s-suċċess li ksibna, imma llum irridu nibdew naħdmu għas-suċċess li jmiss’ – Keith Psaila – (president Senglea Regatta Club)

0
47
Ritratt: Andre Farrugia

Minn Cristian Muscat

Senglea Regatta Club irrepetew is-suċċess tas-sena l-oħra u reġgħu żammew it-titlu tal-Kategorija Open fir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja, iżda din id-darba kellhom jistennew sal-aħħar tiġrija biex jaċċertaw ruħhom mir-rebħa.

Bi 62 punt, Senglea spiċċaw biss żewġ punti fuq ir-rivali tagħhom, Bormla, li temmew b’60 punt, filwaqt li Birgu kellhom 42 punt. Ir-rebħa kienet il-25 waħda tal-Isla fir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja u kkonfermat sena mill-aqwa għall-klabb, li f’Marzu kien kiseb ukoll is-suċċess fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien.

Madankollu, wara dan is-suċċess hemm ħafna aktar minn sempliċi numri u trofej. Hemm ix-xogħol li jsir matul is-sena kollha, id-dedikazzjoni tal-qaddiefa, l-organizzazzjoni tal-kumitat u d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu biex klabb ikompli jkun kompetittiv.

Il-president ta’ Senglea Regatta Club, Keith Psaila, jemmen li din ir-rebħa kienet waħda differenti minn dik tas-sena l-oħra, proprju għax il-kompetizzjoni kienet ferm aktar bilanċjata.

“Irrepetejna s-suċċess, iżda din id-darba kienet differenti mill-aħħar darba. Kienet rebħa li waslet permezz ta’ ħafna xogħol iebes u dedikazzjoni liema bħalha. Kellna tim tajjeb u kulħadd kien qed jaħdem għall-istess għan.”

Għal Keith, il-fatt li kollox baqa’ miftuħ sal-aħħar għamel din ir-rebħa saħansitra aktar sinjifikanti.

“Nhar it-Tlieta kienet ferm viċin aktar milli xtaqna. Bormla u Birgu għamlu prestazzjoni tajba ħafna u konna nafu li ma stajniex nagħmluha fatta. Kollox waqa’ għall-aħħar tiġrija.”

U kien proprju fit-tiġrija tal-aħħar, dik tat-Tal-Pass b’Erba’ Mqadef, li Senglea taw l-aħjar tagħhom. Il-crew magħmul minn Owen Zammit, Charvon Gatt, Matthew Micallef u Denilson Long rebħu t-tiġrija u kisbu l-24 punt li kellhom bżonn biex jiżguraw it-titlu.

“Il-crew kien impekkabbli. Għamilna tiġrija ta’ erbgħa li konna ppreparajna għaliha u konna konvinti li se nirbħu. Kellna l-fiduċja fil-qaddiefa tagħna u huma taw kollox.”

Il-President ta’ Senglea jemmen li f’mument bħal dan tkun meħtieġa wkoll ċerta mentalità.

“Meta tkun taf li kollox qiegħed jiddependi fuq tiġrija waħda, trid tibqa’ ffukat. Ma tistax taħseb wisq fuq dak li ġara fit-tiġrijiet ta’ qabel. Trid tagħmel xogħlok u tagħti kollox fl-aħħar tiġrija.”

Ir-riżultat kien li Senglea spiċċaw fuq nett bi 62 punt, segwiti minn Bormla b’60 u Birgu b’42.

Dan is-suċċess ikompli sena importanti għal Senglea Regatta Club. F’Marzu, il-klabb kien diġà rebaħ il-Kategorija Open fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien, u għalhekk iż-żewġ titli ewlenin tas-sena marru għandhom.

“Għalina kienet sena sabiħa ħafna. Irnexxielna nirbħu ż-żewġ Regatti u dan huwa suċċess kbir għall-klabb. Iżda ma rridux nieqfu hawn.”

Fil-fatt, Psaila jinsisti li s-suċċess ta’ ftit tal-jiem ilu għandu jkun il-bidu ta’ aktar ħidma u mhux raġuni biex il-klabb jistrieħ fuq dak li kiseb.

“Ma tistax dejjem tibqa’ tirbaħ kif irbaħna l-bieraħ. Trid tkompli titjieb. Irridu nħarsu ’l quddiem, naraw fejn nistgħu ntejbu u kif nistgħu nissudaw it-tim.”

Wieħed mill-aspetti li Keith iqis importanti huwa l-iżvilupp tal-qaddiefa żgħażagħ. Il-Kategorija B tat ukoll opportunità lil diversi tfal u qaddiefa biex ikollhom aktar esperjenza.

“Fil-Kategorija B qsamna x-Shield mal-Birgu. Aħna tajna ċans lil xi tfal u rajna li jkollhom l-opportunità tagħhom. Għalina dan huwa importanti ħafna għax jekk trid tibni għall-futur, trid tagħti ċans liż-żgħażagħ.”

Fil-Kategorija B, Senglea u Vittoriosa spiċċaw it-tnejn b’56 punt u għalhekk qasmu x-Shield.

F’dan il-kuntest, Keith isemmi wkoll lil Russell Bugeja, qaddief veteran li reġa’ ngħaqad mat-tim fl-aħħar ġimgħat.

“Kellna lil Russell Bugeja, li kien għamel xi żmien barra. Huwa veteran u ġie lura fl-aħħar tliet ġimgħat. Ma tantx kellu ċans ta’ taħriġ, iżda rajna li nistgħu nġibu riżultati bih u ddeċidejna li nagħtuh l-opportunità.”

Għal Keith, dawn id-deċiżjonijiet huma parti minn viżjoni akbar.

“Ma nistgħux naħsbu biss fuq illum. Irridu nibnu għas-snin li ġejjin. Jekk tagħti ċans lit-tfal u lill-qaddiefa li forsi għadhom m’għandhomx l-esperjenza kollha, eventwalment ikollok tim aktar b’saħħtu.”

“Inżid ngħid li l-crew ta’ bi tnejn li huwa wkoll parti mill-crew ta’ b’erbgħa reġa’ għamel tiġrija kbira u kiseb ir-raba’ rebħa kosnekuttiva u nixtieq nsemmi wkoll il-crew il-ġdid li kellna tal-frejgatina li huma Dusty Cassar u Ryan Degiorgio li dawn kellhom l-ewwel tiġrija magħna u għamlu tiġrija tajba ħafna fejn ġew it-tieni peró taw prestazzjoni qawwija u dak il-ħin għollulna ħafna l-moral beix imbagapd minn wara wara dik it-tiġrija ‘l quddiem qabdana ndawru r-riżultat u għamilna rimonta mill-aqwa.”

“Nixtieq insemmi wkoll li c-crew ta’ b’erbgħa rebaħ it-tieni darba konsekuttiva li hija xi ħaġa sabiħa wkoll,  peró l-crew ta’ bi tnejn  flimkien ma’ ta’ b’erbgħa reġa’ kien dominanti. “

Filwaqt li l-attenzjoni fil-jum tar-Regatta tkun fuq il-qaddiefa u t-tiġrijiet, Keith jagħti importanza kbira lix-xogħol li jsir qabel.

“L-organizzazzjoni kienet tajba ħafna. Nhar it-Tlieta bdejna kmieni u sar xogħol tajjeb. Meta jkollok Regatta ta’ dan il-livell, ma tistax tibda taħseb fuq kollox fl-aħħar minuta. Trid tkun ippreparat minn qabel.”

Huwa jemmen li s-suċċess huwa riżultat tal-ħidma ta’ kulħadd.

“Mhux biss il-qaddiefa. Hemm il-kumitat, dawk li jgħinu fit-taħriġ, dawk li jaħdmu fil-klabb u dawk kollha li jagħtu l-ħin tagħhom. Kulħadd għandu sehem f’dan is-suċċess.”

Minkejja li għadhom kemm rebħu t-titlu, Keith Psaila diġà qed iħares lejn il-kompetizzjoni li jmiss.

“Għada stess nibdew naħsbu fir-Regatta li jmiss. Irridu naraw kif nissudaw it-tim, fejn nistgħu ntejbu u x’għandna bżonn nagħmlu biex nibqgħu kompetittivi.”

Parti mill-pjanijiet tal-klabb huwa wkoll li jkompli jsir investiment fl-infrastruttura.

“Minn għada jerġa’ jinfetaħ il-maħżen u nkomplu ntejbu l-affarijiet li għandna bżonn. Trid ikollok il-kundizzjonijiet biex il-qaddiefa jkunu jistgħu jitħarrġu u l-klabb ikompli jikber.”

Is-suċċess wasal sena biss wara li Senglea kienu temmew stennija ta’ 13-il sena biex jerġgħu jiksbu dan it-titlu.

“Il-25 titlu huwa numru importanti ħafna. Aħna kburin bl-istorja Sengleana u bil-fatt li qed inkomplu nżidu mal-istorja tal-klabb. Imma ma nistgħux ngħixu biss fuq dak li għamilna fil-passat.”

Għal Keith, l-għan jibqa’ ċar: ikomplu jinvestu fit-tim, jagħtu opportunitajiet lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u jżommu lil Senglea fuq quddiem fir-Regatta Maltija.

“Irridu ngawdu s-suċċess tal-bieraħ, imma llum irridu nibdew naħdmu għas-suċċess li jmiss. Din hija l-mentalità li rridu nibqgħu biha.”

U hekk kif Senglea jżommu t-titlu tagħhom b’żewġ punti biss vantaġġ fuq Bormla, jidher ċar li r-rivalità fil-Port il-Kbir se tkompli tkun waħda mill-aktar affaxxinanti fix-xena sportiva Maltija. Għal Senglea, iżda, il-messaġġ wara dan is-suċċess huwa wieħed ċar: ir-rebħa tat-8 ta’ Settembru 2026 huwa kapitlu ieħor fl-istorja, iżda x-xogħol għall-futur diġà beda.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here