Minn Cristian Muscat
Mosta FC kisbu rebħa kruċjali fil-Bottom Six tal-YoHealth Malta Premier League meta nhar il-Ħadd li għadda għelbu lil Hibernians bi skor finali ta’ 3-0. Id-direttur tekniku ta’ Mosta, Mario Muscat f’intervista li ta lil dan il-ġurnal, kien ċar li l-partita kienet essenzjali għall-pożizzjoni tal-klabb fil-fażi tal-Bottom Six u spjega kif il-prestazzjoni tal-plejers kienet ċentrali biex il-mira tagħhom tinżamm fuq it-triq it-tajba.
“Konna nafu li kienet logħba importanti ħafna,” qal Muscat fl-intervista. “Bosta timijiet oħra fil-Bottom Six kienu qed jieħdu punti, u rebħa kontra Hibernians kienet essenzjali biex ma nispiċċawx fl-aħħar żewġ postijiet. Il-fokus tagħna kien ċar sa mill-ewwel minuta: niksbu t-tliet punti u niġġieldu għal kull opportunità.”
Il-gowls ta’ Mosta kienu evidenza tal-preparazzjoni tattika u l-impenn tal-plejers. L-ewwel gowl wasal fit-59 minuta, meta minn corner mil-lemin. Jake Vassallo għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras preċiża xeħet il-ballun fix-xibka, sabiex ta lil Mosta vantaġġ tajjeb fil-partita.
Fl-94 minuta, il-partita kienet diġà kważi fis-seħħ, meta Emmanuel ħarab bil-ballun min-naħa tal-lemin u ġie mwaqqa’ irregolarment mill-captain ta’ Hibernians, Bjorn Kristensen. Ir-referee Glen Tonna saffar penalty ċar, u l-istess Emmanuel ma żbaljax biex ssiġilla r-rebħa b’xutt preċiż minn penalty.
“Meta tara dak kollu li għamilna fil-partita,” spjega Muscat, “tara kemm il-plejers qamu għall-okkażjoni u kif mxew mal-pjan tattiku. Kull gowl li skorjajna kien riżultat ta’ koordinazzjoni perfetta bejn nofs il-grawnd u l-attakk, u l-organizzazzjoni difensiva tagħna kienet essenzjali biex inżommu l-lasti mhux mimsusa.”
Il-logħba bdiet b’ritmu bilanċjat. Fl-11-il minuta, Zibo ta’ Mosta kellu l-ewwel xutt tajjeb fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali, iżda l-goalkeeper ta’ Hibernians, Brănescu, kien attent u kkontrolla l-ballun f’żewġ tentattivi.
Żewġ minuti wara, Iapert ta’ Hibernians ixxuttja minn ġewwa l-kaxxa min-naħa tax-xellug, iżda l-ballun mar ftit barra. Fil-22 minuta, il-captain ta’ Mosta, Jake Brincat, ipprova xutt qawwi minn barra l-kaxxa, iżda l-ballun għadda għoli fuq il-mimduda.
Muscat tenna kif dawn l-ewwel minuti kienu kruċjali biex iż-żewġ timijiet jittestjaw il-preparazzjoni tagħhom: “Dawn l-okkażjonijiet bikrija wrew li konna lesti għall-aggressivita’ ta’ Hibernians u li l-plejers kienu ffukati. Kull xutt u moviment kien preċiżament kif stabbilixxejna fil-pjan tat-tim u għalhekk kollox ġiena tajjeb.”
Hibernians ippruvaw jirreaġixxu fit-tieni taqsima, u fl-50 minuta ħolqu żewġ azzjonijiet perikolużi. L-ewwel, Xuereb daħal fil-kaxxa min-naħa tal-lemin iżda l-goalkeeper Akpan antiċipa tajjeb. Ftit wara, Bonnici tefa’ ballun preċiż lejn Villela Lapert, li pprova jikkonkludi bil-ġirja iżda l-ballun mar barra.
Muscat faħħar ir-reazzjoni tal-plejers tiegħu: “Il-fokus kien fuq il-kontrattakk u l-organizzazzjoni difensiva. Il-plejers kienu konxji li kull pass żbaljat jista’ jħalli opportunità lill-avversarju. L-ewwel gowl ta’ Vassallo ġab sodisfazzjon kbir, iżda konna konxji li kellna nkomplu ngħaddu l-prestazzjoni sal-aħħar minuta.”
Hu żvela wkoll kif il-klabb qed jaħdem fuq tisħiħ tal-iskwadra: “Din il-ġimgħa, apparti l-partita, l-amministrazzjoni saħħet l-iskwadra b’Cacho mingħand Hibernians u attakkant Spanjol li kien qed jilgħab fil-Ġappun fil-kampjonat A2. Dawn jagħtina aktar għażla fl-iskwadra, u jagħmluha possibbli li nilagħbu b’forza kompetittiva fil-fażi li ġejja.”
Mario Muscat spjega wkoll il-pjan biex jaslu plejers Afrikani biex jissostitwixxu pożizzjonijiet differenti: “Se jaslu bejn erba’ u ħames plejers Afrikani f’pożizzjonijiet differenti. Se nevalwaw min se nżommu u min se jingħaqad mal-iskwadra fil-futur. Din il-ġimgħa, id-Direttur Sportiv Adrian Farrugia mar in-Niġerja biex isegwi tournament u rnexxielu jagħmel arranġamenti ma’ klabb lokali. Dan se jagħti għażla akbar u kompetittività lill-iskwadra.”
Muscat ma ħalliex barra l-messaġġ motivazzjonali lill-plejers: “Kellna bżonn din ir-rebħa biex inżommu l-moral għoli. Wara telfa diffiċli qabel il-Milied kontra Naxxar, fejn konna qed nirbħu 2-1 u tlifna 3-2, il-plejers kellhom jikkoreġu l-prestazzjoni tagħhom. Konna ffukati, ma ħallejna xejn spazji, u finalment irnexxielna niksbu r-riżultat mixtieq.”
Fl-aħħar, il-partita tħalliet bħala simbolu ta’ determinazzjoni u xogħol ta’ skwadra sħiħa. Il-gowls ta’ Vassallo u Emmanuel kienu evidenza ta’ koordinazzjoni perfetta, waqt li difiża organizzata u konċentrata ħalliet lil Hibernians ma setgħux jagħmlu differenza.
Din ir-rebħa skont Muscat tat nifs ġdid lit-tim li jrid jipprova jxammar il-kmiem għat-tieni parti tal-kampjonat, issa li kollox jibda minn zero.
“Irridu noqogħdu lura milli nwettqu l-iżbalji tal-partiti li għaddew u niffukaw sabiex inkunu għal darb’oħra salvi u nżommu postna fl-ogħla kampjonat Malti.”
“Meta tara l-prestazzjoni u r-riżultat,” temm jgħid Muscat, “tara kemm il-plejers tagħna ħadu ħsieb il-pjan, u kif l-iskwadra kollha qed tikber flimkien. Din ir-rebħa hija pass importanti għall-Malta Premier u turi li Mosta FC qiegħda għaddejja fuq it-triq it-tajba biex tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha.”



